Informazzjoni ġdida li tista' teħles lill-AFM minn akkużi ta' tentattiv ta' qtil tasal għand Repubblika

Mal-illum.com.mt sorsi jikkonfermaw li waslet informazzjoni ġdida għand Repubblika ... dan is-sit infurmat li din l-informazzjoni tista' ġġib f'dubji serji l-akkużi kontra l-AFM

Mas-sit illum.com.mt sorsi kkonfermaw li fil-fatt l-għaqda Repubblila rċeviet informazzjoni ġdida dwar l-allegazzjoni ta' Alarm Phone fuq is-suldati Maltin tal-AFM, għalkemm kelliem tal-għaqda ma xtaqx jelabora jew jikkonferma.

Dawk li tkellmu ma' dan is-sit sostnew illi din l-informazzjoni ġdida tista' turi illi fil-fatt is-suldati ma kisrux il-liġi u allura fl-ebda punt ma jistgħu jkunu ħatja ta' tentattiv qtil jew ksur ta' liġi.

Is-sorsi ta' dan is-sit sostnew biss illi Repubblika marret għand il-maġistrat Joseph Mifsud bl-informazzjoni li waslitilha. 

Ikkuntattjat minn dan is-sit kelliem għal Repubblika saħaq li din l-għaqda dejjem kienet iggwidata mit-tfittxija għall-verità u l-protezzjoni tal-ħajja u kull informazzjoni tmur għand il-Maġistrat.

Oriġinarjament Repubblika kienet fakkret li nhar id-9 ta’ April 2020 l-NGO Alarm Phone xandret recording ta’ passiġġier fuq dgħajsa tal-migranti jgħid li membru jew membri tal-ekwipaġġ tal-patrol boat tal-Forzi Armati P52 qata’ l-cable tal-mutur tad-dgħajsa u l-patrol boat telqet minn fuq il-post.

"Din hija allegazzjoni serja ħafna," sostniet l-għaqda.  "Din hija allegazzjoni ta’ att ta’ sabutaġġ fuq opra tal-baħar fejn 70 ruħ jitħallew bejn sema u ilma b’dgħajsa b’mutur imkisser b’riskju ċar ta’ mewt."

More in Politika