Il-Pulizija għadhom qed jikkunsidraw jekk il-Koħħu ħaqqux jingħata l-maħfra presidenzjali - Rapporti

Vince Muscat għamel aktar minn talba waħda u qed jisħaq li jista' jikxef informazzjoni mhux dwar il-qtil ta' Caruana Galizia biss

Il-Pulizija għadhom qed jikkunsidraw jekk hemmx lok fejn Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, jingħata l-maħfra presidenzjali biex jikxef dak li jaf dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u anke reati kriminali oħra.

Skont rapport fuq The Times of Malta, erba’ xhur wara li Muscat reġa’ talab li jingħata l-maħfra, għax kien għamel hekk qabel ukoll, il-Pulizija għadhom qed jikkunsidraw din it-talba, tant, li minn Diċembru ‘l hawm, skont ir-rapport, l-investigaturi ltaqgħu diversi drabi ma’ Muscat.

Flimkien mal-aħwa George u Alfred Degiorgio, Muscat qed ikun akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fost oħrajn, il-Koħħu qed jintalab ukoll li jinħeles mill-akkużi kollha fl-irwol li allegatament kellu fis-serqa tal-HSBC li seħħet fl-2010.

Meta l-allegat intermedjarju fil-qtil ta’ Caruana Galizia, Melvin Theuma, kien ingħata l-maħfra presidenzjali biex jikxef dak li jaf, inkluż lill-mandant tal-qtil, Pauline Muscat, mart il-Koħħu, kienet tkellmet ma’ Reuters u saħqet li l-maħfra kellu jeħodha r-raġel tagħha għax kien hu li kixef dak li jaf u li għadda biżżejjed informazzjoni biex il-Pulizija setgħet issolvi dan il-każ.

Fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech (l-allegat mandant tal-qtil ta’ Caruana Galizia), Melvin Theuma kemm-il darba saħaq li kien imbeżża’ ħafna meta sar jaf li l-Koħħu kien qed jitkellem u jisħaq li lest jikxef kollox mal-Pulizija. 

Fil-fatt, mir-recordings li Melvin Theuma kien qed iżomm bil-moħbi, jirriżulta li Fenech, kien qed jirċievi informazzjoni dwar it-talba li kien għamel Vince Muscat. 

Skont Theuma, kien l-eks Chief of Staff Keith Schembri li għadda din l-informazzjoni lil Fenech.

Qal ukoll li Fenech kien qallu li dwar l-istess kwistjoni kien qed ikun mgħarraf mill-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta, li għall-ewwel kien qed imexxi l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.

More in Politika