'Naħdmu ġo xulxin qisna tiġieġ ... u biex il-ħaddiema ma jiħdux aktar leave għamlu stop leave'
Ħaddiema f'uffiċini u fabbriki, inkwetati minħabba saħħithom, jitkellmu mal-ILLUM...

minn Yendrick Cioffi

“Naħdmu ġo uffiċċju qisna tonn u sardin.” Hekk saħaq mal-gazzetta ILLUM ħaddiem li xogħlu ma jistax isir mid-dar u għalhekk ta’ kuljum qed ikollu jidħol ġo uffiċċju flimkien ma’ ħames persuni oħra.
Meta tkellem ma’ din il-gazzetta, dan il-ħaddiem wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li qed isiru appelli biex ma jkunx hemm ġemgħat ta’ aktar minn tliet persuni f’post pubbliku, iżda hu jaħdem ġo kamra ma’ ħames persuni oħra.
Fil-fatt, dan ma kienx l-uniku ħaddiem li tkellem mal-gazzetta ILLUM. Mara, li taħdem ġo fabbrika, spjegat kif fis-sezzjoni tagħha, f’kamra mhux kbira, jaħdmu wkoll diversi persuni.
“Ma nistgħux nagħmlu x-xogħol tagħna bl-ingwanti għax naqbdu affarijiet żgħar ħafna. Inpoġġu bilqiegħda ħdejn xulxin qisna tiġieġ u ngħaddu l-affarijiet minn id għal oħra,” spjegat magħna inkwetata din l-istess persuna, anke għax fl-istess fabbrika fejn taħdem hi kien hemm persuni li rriżultaw pożittiv għall-coronavirus.
Fil-fatt, sa ftit jiem ilu, min iħaddimhom ordna ‘stop leave’ għax meta bdew jiżdiedu l-każi f’Malta, diversi ħaddiema kienu qed jibżgħu u bdew jieħdu l-leave bl-addoċċ biex ma jidħlux xogħol.
Wara li kollegi rriżultaw pożittiv, min iħaddimhom infurmahom li min ma jridx jibqa’ jaħdem jista’ ma jmurx ix-xogħol u jinqata’ mil-leave tiegħu.
Wieħed mill-aktar appelli li l-awtoritajiet tas-saħħa qed jisħqu fuqu huwa dak tas-social distancing, bl-appell ewlieni tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci jkun biex kemm jista’ jkun, persuna żżomm biss kuntatt ma’ dawk li jgħixu fid-dar tagħha stess.
Anke għax it-trasmissjoni lokali tal-Covid-19 issa żdiedet, il-Professur Gauci kemm-il darba wissiet li kull persuna li tiltaqa’ magħha fit-triq tista’ tgħaddilek il-virus, anke għax qed ikun hemm diversi każi ta’ pazjenti li jkollhom jew sintomi ħfief jew inkella saħanistra bla sintomi.
Fil-fatt, anke meta persuna tmur tixtri l-bżonnijiet tagħha, bħall-ikel u l-mediċina, il-parir huwa li żżomm id-distanza ta’ żewġ metri minn persuni oħra.
X’se jsir f’dawn il-postijiet tax-xogħol? L-ILLUM tistaqsi ...
Allura x’se jiġri minn dawn in-nies li jaħdmu fil-fabbriki u dawk li jridu bilfors jidħlu l-uffiċċju? Għal dawn se jsiru miżuri? Bħalma ma jistax ikun hemm ġemgħat ta’ aktar minn tliet min-nies f’postijiet pubbliċi, se jsiru miżuri għal dawn il-ħaddiema? U fuq il-karozzi tal-linja mhux aktar minn tliet min-nies ikun hemm?
Il-gazzetta ILLUM għamlet dawn il-mistoqsijiet lill-Ministeru għas-Saħħa, b’kelliema għall-Ministeru tisħaq li fuq il-postijiet tax-xogħol fejn mhux possibbli li ssir ħidma mid-dar, xorta għandha tkun ipprattikata s-social distancing billi jkun hemm bogħod adegwat bejn skrivanija u oħra.
“Fejn dan mhux possibbli, jista’ jsir ukoll particion tal-perspex,” saħqet il-kelliema, anke jekk ma jidhirx li se jkun hemm infurzar jew spezzjonijiet fuq dawn il-postijiet tax-xogħol biex ikun assigurat li jsegwu dawn l-istruzzjonijiet.
Dwar it-trasport pubbliku, il-kelliema qalet biss li fuq it-trasport pubbliku digà ttieħdu miżuri fosthom biex passiġġiera ma jitħallewx bilwieqfa biex il-karozza tal-linja ma tkunx iffullata.

