Il-kumpanija Scan waqqfet b’mod immedjat l-operat kollu tagħha u dan wara li żewġ impjegati tagħha, li jaħdmu fil-ħwienet, irriżultaw pożittiv għall-Covid-19.
Minħabba l-fatt li l-ħwienet tagħhom ma kinux jaqgħu taħt l-avviż legali li ħareġ il-Gvern, dawn kienu baqgħu miftuħa iżda wara dawn iż-żewġ każi, il-kumpanija ddeċidiet li tagħlaq minnufih l-operat kollu, inkluż is-servizz ta’ delivery.
Lil dawk li laħqu għamlu xi ordni, il-kumpanija serħitilhom rashom li se tkun qed tagħtihom il-flus kollha lura.
Lil dawk li ħalsu permezz ta’ Paypal ukoll se jagħmlulhom tranżazzjoni lura u lil dawk li ħalsu b’karti tal-kreditu jew debitu se jirċievu l-ħlas lura fi żmien jumejn jew tlieta.
Intant, hemm ukoll minn għandu xi affarijiet għand il-kumpanija biex isiru fuqhom xi xogħlijiet. Sakemm ikomplu l-operat tal-kumpanija, dawn il-persuni mhux se jkunu jistgħu jieħdu lura l-affarijiet tagħhom.
Qalet li se tkun qed iżżid il-garanzija fuq il-prodotti kollha li nxtraw mingħandha għall-perjodu kollu li l-ħwienet tagħha se jibqgħu magħluqa.