Gruppi ta' tlieta minn nies li jinqabdu fil-pubbliku flimkien se jingħataw multi ta' €100 kull wieħed, taħt liġi li se tiddaħħal biex b'hekk ikun infurzat il-kunċett ta' distanzjar soċjali minħabba l-coronavirus.
Il-multa tħabbret mill-Ministru tal-Intern Byorn Camilleri iktar kmieni llum. Huwa qal ukoll li kien hemm qbil unanimu fil-Kabintt biex din il-miżura tidħol fis-seħħ.
Din il-miżura se tkun qed tiddaħħal hekk kif ilbieraħ diversi tawha għall-midja soċjali biex jirrapportaw dwar folol ta' nies f'postijiet bħall-Buġibba u anke l-Ġnejna, kif ukoll jum qabel festa pubblika.
Il-Ministru Camilleri qal illi l-maġġoranza assoluta tal-Maltin u l-Għawdxin qed isegwu l-appelli u t-twissijiet għalkemm saħaq illi kien irrabjat għal dawk li ddeċidew li joħorġu xorta. "Ma nistgħux nippermettu li l-ftit irresponsabbli jfixklu t-tajjeb li sar sa issa."
Il-Ministru qal illi t-Taqsima tal-Klieb u l-Kavallerija se jintużaw fiż-żoni rurali minn għada biex ikun aċċertat li kull min jinsab fil-kampanja qed josserva din il-liġi.
Eżenti se jkunu il-waqfiet għat-trasport pubbliku għalkemm in-nies xorta jridu jżommu bogħod minn xulxin. Dan filwaqt li l-WIfi f'postijiet pubbliċi - bħal ġonna - se jkun limitat.