'Il-miżura ta' €800 għandha tiġi estiża għall-ħaddiema kollha li xogħolhom intlaqat ħażin' - PN
Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta ħdax-il miżura inkluż it-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma residenzjali
minn Yendrick Cioffi
Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta ħdax-il miżura u li fi kliemu jistgħu jgħinu firxa wiesgħa ta' familji biex ikunu jistgħu jsostnu l-kwalità tal-ħajja tagħhom hekk kif l-istess miżura jolqtu direttament lilhom u anke lin-negozji li ntlaqtu ħażin mill-imxija tal-Covid-19.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn Claudio Grech, Karl Gouder u Ivan Bartolo, il-PN ressaq dawn il-proposti:
- L-għajnuna mħabbra mill-Gvern (ta' massimu ta' €800 għal kull ħaddiem) għal numru ta' industriji, għandha tiġi estiża għal dawk il-ħaddiema u self employed kollha li x-xogħol ta' l-intrapriża jew negozju tagħhom intlaqat drastikament bil-kriżi COVID-19.
- Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma residenzjali għandhom jitnaqqsu b'50% b'effett mid-9 ta' Marzu 2020 biex jagħmlu tajjeb għaż-żieda fil-konsum li l-familji qed jagħmlu minħabba l-lockdown parzjali kif ukoll biex jirrifletti l-prezzijiet irħas ta' l-enerġija.
- Il-Gvern għandu jagħtu l-għajnuna kollha neċessarja lill-iskejjel privati u tal-knisja biex dawn itaffu n-nuqqas ta' dħul fit-tielet term tas-sena skolastika. Għandu jgħin ukoll lil dawk l-organizazzjonijiet li jipprovdu taħriġ jew tagħlim extra-kurrikulari fl-oqsma diversi, inklużi d-drama, l-arti, l-kultura l-isport u oħrajn.
- Is-sidien privati li jikru l-propjetà tagħhom għandhom jiġu inċentivati fiskalment biex jagħtu moratorju ta' sitt xhur fuq il-ħlas tal-kera, bit-terminu tal-kuntratt jiġi estiż bl-istess perjodu ta' żmien.
- L-Awtorità tad-Djar għandha wkoll tagħti moratorju ta' sitt xhur fuq il-ħlas tal-kera lil dawk il-persuni li qegħdin jibbenefikaw minn akkomodazzjoni soċjali.
- Għandha tiġi ffinanzjata pjattaforma diġitali biex akkademiċi u studenti tal-Fakultà għal-Benesseri tas-Soċjeta jkunu jistgħu jagħtu servizz ta' appoġġ u sapport permezz tat-telefon u mezzi diġitali.
- Għandu jiġi ffinanzjat programm ta' inizzjattivi mal-NGO's biex dawn ikunu jistgħu jużaw il-ħiliet u n-networks li għandhom fil-komunitajiet rispettivi tagħhom biex ikunu ta' sostenn għall-anzjani u l-persuni vulnerabbli li se jkunu f'lockdown.
- Għanda tiddaħħal skema ta' appoġġ u inċentivi għal kull min lest li jipparteċipa u jikkontribwixxi fix-xogħol li qed iwettqu l-foodbanks f'pajjiżna.
- Il-Gvern għandu jidħol fi ftehim mal-banek kummerċjali sabiex dawn jagħtu moratorju ta' sitt xhur fuq il-ħlas ta' pagamenti lura ta' self għal propjetà residenzjali u buy-to-let, kemm fuq il-kapital kif ukoll fuq l-interessi, lil dawk il-ħaddiema u self employed kollha li x-xogħol tal-intrapriża jew negozju tagħhom intlaqat drastikament bil-kriżi COVID-19.
- Il-Gvern għandu jagħti inċentiv ta' darba lill-anzjani sabiex ikunu jistgħu jixtru apparat tat-teknoloġia u konnessjoni ta' l-internet biex ikunu jistgħu jikkomunikaw b'mod aktar sħiħ mal-bqija tas-soċjetà.
- Għandha ssir kampanja sabiex ma' jkunx hawn min japprofitta ruħu mill-bżonnijiet tan-nies f'dak li għandhom x'jaqsmu affarijiet essenzjali, billi jgħolli l-prezzijiet b'mod abużiv. Jekk din ma' tkunx effettiva, l-Gvern għandu jikkunsidra jdaħħal miżuri aktar restrittivi u regolatorji f'dan is-sens.
Fil-kummenit tiegħu, il-kelliem tal-Oppożizzjoni Claudio Grech spjega kif it-twettiq ta' dawn il-miżuri jistgħu joffru xibka ta' appoġġ għall-familji Maltin u Għawdxi, b'kull inizzjattiva immirata li tħalli impatt pożittiv fuq dawk milqutin.
“F'din il-kriżi ma' nistgħux inkun selettivi u nagħżlu lil min ngħinu u lil min inħallu barra mill-għajnuna kemm jekk dawn huma impjegati, kemm jekk huma self employed kif ukoll jekk huma persuni rtirati jew bi problemi ta' saħħa,” insista Grech.