'L-ewwel pass pożittiv iżda hemm setturi oħra li wkoll jeħtieġu l-għajnuna' - Kamra tal-SMEs

Il-Kamra saħqet li hemm bżonn appoġġ akbar mill-banek kollha permezz ta’ moratorji ġenerali kemm għan-negozji kif ukoll għall-individwi u r-reviżjoni tar-rati tal-imgħax

Il-Kamra Maltija għall-Intrapriżi Żgħar u Medji, saħqet li l-miżuri li ħabbar il-Gvern ilbieraħ huma “l-ewwel pass pożittiv” li joffru serħan tal-moħħ, għax-xhur li ġejjin, lil diversi negozji li jistgħu jżommu l-ħaddiema tagħhom anke jekk l-operat tagħhom naqas, jew saħansitra jinsab wieqaf għal kollox.

Fi stqarrija, il-Kamra saħqet li r-realtà hija li hija l-maġġoranza tas-setturi sofrew mil-lum għall-għadda, hekk kif ġew mitluba jagħlqu l-bibien tagħhom jew inkella jiftħu biss b’operat limitat.

Irrikonoxxiet ukoll li hemm setturi u individwi oħra li wkoll jeħtieġu l-għajnuna u l-Kamra wiegħdet li se tkomplitleħħen it-tħassib tagħhom biex ikun żgurat li anke dawn ikunu mgħejjuna.

“Il-Prim Ministru assigurana li l-Gvern se jkompli jiddjaloga u jwieġeb għall-ħtiġijiet tas-settur provat,” insistiet l-istqarrija. 

Il-Kamra appellatt biex id-dettalji tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri jkunu ppubblikati f’qasir żmien hekk kif dawn jiżguraw li jkunu aċċessibbli kemm jista’ jkun. 

“Fl-istess ħin bħal organizzazzjoni li qed naħdmu fuq miżuri importanti oħra li jeħtieġu tisħiħ, li huma kollha importanti biex jiġi sostnut in-negozju f’dan iż-żmien delikat. Neħtieġu appoġġ akbar mill-banek kollha permezz ta’ moratorji ġenerali kemm għan-negozji kif ukoll għall-individwi u r-reviżjoni tar-rati tal-imgħax,” insistiet il-Kamra.

Saħqet li miżuri oħra għandhom jinkludu l-indirizzar ta’ problemi assoċjati ma’ renti u spejjeż oħra tal-parti l-kbira tal-ispejjeż operattivi tan-negozji.

More in Politika