Dalgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa mal-President tal-Kamra tal-Kummerċ, David Xuereb biex ikun diskuss l-impatt ekonomiku li l-coronavirus jista’ jkollu fuq l-ekonomija Maltija.
Fl-ewwel kummenti tiegħu, qabel ippreżenta l-viżjoni tal-Kamra tal-Kummerċ għal ħames snin li ġejjin, Xeureb saħaq li dan huwa żmien li l-pajjiż jippjana u jħares lejn il-futur.
Fost il-proposti li ressqet il-Kamra tal-Kummerċ biex jgħinu lin-negozji malajr kemm jista’ jkun, hemm dik biex il-Gvern jiffinanzja l-ħlas għall-ħaddiema li jkunu taħt kwarantina obbligatorja.
Min-naħa tiegħu, Robert Abela faħħar lill-Kamra tal-Kummerċ għax fi kliemu qed taġixxi b’mod responsabbli.
“Kulħadd irid jerfa’ l-biċċa tiegħu,” saħaq il-Prim Ministru waqt li appella għar-responsabbilità.
Il-Gvern, kompla jgħid Abela, irid jerfa’ l-biċċa tiegħu iżda min iħaddem irid jagħmel l-almu tiegħu wkoll. Fi kliemu, dan il-piż li ġab miegħu l-Covid-19 irid jinqasam bejn l-Istat u l-individwu.
“Jekk hemm piż x’jintrefa’ l-ewwel irid jerfa’ l-parti tiegħu l-Gvern iżda mbagħad anke l-individwu,” saħaq il-Prim Ministru.
Filwaqt li fakkar li fl-aħħar snin il-pajjiż kien sejjer tajjeb ekonomikament, insista li dan mhux se jispiċċa fi ftit ġimgħat, anzi qal li l-Gvern jinsab determinat li kollox jirritorna għan-normal fil-ġimgħat li ġejjin.