Trump jissospendi l-ivjaġġar kollu bejn l-Istati Uniti u l-pajjiżi fiż-żona Schengen tal-UE
Dawn mhux se jkunu qed japplikaw għar-Renju Unit li għandu 460 każ ikkonfermat tal-Covid-19

More in Politika
Dawn mhux se jkunu qed japplikaw għar-Renju Unit li għandu 460 każ ikkonfermat tal-Covid-19
Il-President Amerikan Donald Trump ħabbar restrizzjonijiet drastiċi fuq l-ivjaġġar kollu bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa bil-għan li jiġġieled it-tixtrid tal-coronavirus.
Trump saħaq li dawn huwa miżuri iebsa iżda “neċessarji,” madanakollu qal li dawn mhux se jkunu qed japplikaw għar-Renju Unit li għandu 460 każ ikkonfermat tal-Covid-19.
Fi proklamazzjoni presidenzjali li ġiet ippubblikata ftit wara, jirriżulta li l-Istati Uniti qed tpoġġi dawn ir-restrizzjonijiet fuq 26 pajjiż fiż-żona Schengen
Dan ifisser li ħafna mill-pajjiżi Ewropej jibqgħu xorta waħda mhux affettwati.
“Biex inżommu milli jkollna każijiet ġodda se nkunu qed nissospendu l-ivjaġġar kollu mill-Ewropea,” insista Trump mill-uffiċċji tiegħu.
Dawn ir-restrizzjonijiet se jkunu qed jidħlu fis-seħħ mill-Ġimgħa f’nofsilejl.
Ir-restrizzjoni mhux se tkun qed tapplika għaċ-ċittadini Amerikani.
Trump akkuża wkoll lill-Unjoni Ewropea li “falliet milli tieħu miżuri ta’ prekawzjonijiet,” kif qed tagħmel l-Amerka.
Apparti r-Renju Unit, l-Irlanda, il-Bulgarija, il-Kroazja u r-Rumanija mhux se jkunu affettwati għax huwa membri tal-Unjoni Ewropea iżda mhux parti miż-żona Schengen. Pajjiżi oħra bħall-Iżvizzera u anke l-Iżlanda huwa parti mis-Schengen iżda mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea.
Fl-Istati Uniti hemm 1,135 każ ikkonfermat ta’ Coronavirus. 38 persuna tilfu ħajjithom.
Trump ħabbar dan ftit tal-ħin biss wara li l-Italja żiedet il-miżuri tagħha biex issa ngħalqu wkoll il-ħwienet kollha bħar-ristoranti, il-bars u s-supermarkets. Se jibqgħu miftuħa biss ħwienet li jbiegħu prodotti tal-ikel u anke l-ispiżeriji.