Birdlife se tagħti daharha lill-Ministru Clint Camilleri u tirikonoxxi biss lil Ministru Farrugia

Birdlife tisħaq li se tikkomunika u tirrikonoxxi biss lill-Ministru tal-Ambjent fuq materji ta' kaċċa u insib

Fi stqarrija dalgħodu, l-għaqda Birdlife qalet illi hi se tirrikonoxxi biss u se tikkomunika biss mal-Ministu tal-Ambjent dwar il-kwistjoni tal-kaċċa, insib u konservazzjoni tal-għasafar minkejja li dan id-dekasteru tpoġġa taħt il-Ministeru ta' Għawdex. 

Kien dan il-Prim Ministru, fil-kabinett il-ġdid li poġġa dan id-dekasteru fir-responsabilità tal-Ministru Clint Camilleri li fil-fatt hu stess jipprattika l-kaċċa. 

"BirdLife Malta tfakkar li sew l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent u anke r-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi jagħrfu legalment lill-Ministru tal-Ambjent bħala l-uniku ministru responsabbli għall-ħarsien tal-ambjent u għal kull awtorità relatata miegħu. Minbarra f’hekk, kemm il-liġi nazzjonali dwar l-ambjent ta’ pajjiżna u anke l-leġislazzjoni sussidjarja li tirregola l-ħarsien tal-għasfar – u allura l-operat tad-WBRU stess – jagħmluha ċara wkoll, iswed fuq l-abjad, li l-istess taqsima għandha taqa’ taħt il-ministeru responsabbli mill-ambjent."

Birdlife fetħet proċeduri legali biex dan is-suġġett jerġa jkun taħt ir-responsabilità diretta tal-Ministeru tal-Ambjent.

Fl-istqarrija Birdlife qalet illi il-Gvern għad irid jispjega d-deċiżjoni tiegħu mil-lat legali.

Aktar minn hekk iżda l-għaqda sostniet illi kull deċiżjoni f'dan ir-rigward mill-Ministru Camilleri hija illeġittima. "Kull komunikazzjoni jew deċiżjoni li se tkun qed tittieħed minn naħa tad-Wild Birds Regulation Unit u eventwalment mill-Kumitat Ornis – meta dawn jerġgħu jitwaqqfu – fosthom ħatriet u liġijiet li ma jsirux taħt il-Ministeru tal-Ambjent, għandhom jiġu meqjusa bħala illeġittimi."

 

More in Politika