Moviment Graffitti jħeġġeġ lill-Kumissjoni tal-Ippjanar biex tirrifjuta applikazzjoni għal moll privat fil-bajja tal-Balluta

Il-grupp qal li "l-proġett iqajjem tħassib serju dwar l-impatt ambjentali fuq qiegħ il-baħar u fuq il-kwalità tal-ilma"

Sindki u membri ta' għaqdiet waqt il-konferenza li seħħet f'Novembru
Sindki u membri ta' għaqdiet waqt il-konferenza li seħħet f'Novembru

Fi stqarrija li ħarġu, il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan flimkien ma’ 11-il Organizzazzjoni Nongovernattiva qed iħeġġu lill-Kumissjoni tal-Ippjanar sabiex tirrifjuta applikazzjoni għal moll privat fil-Bajja tal-Balluta. L-applikazzjoni se tiġi deċiża waqt seduta fl-Awtorità tal-Ippjanar nhar it-Tnejn, fid-9.30am. Moviment Graffitti ħeġġeġ il-pubbliku biex jattendi sabiex iwassal it-tħassib tiegħu. Ir-residenti taż-żona diġà esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għal dan il-proġett waqt attività pubblika f’Novembru li għadda.

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan kiteb ukoll lill-Awtorità tal-Artijiet sabiex joġġezzjona l-għoti ta' qiegħ il-baħar u l-baħar mill-Awtorità tal-Artijiet. Il-Kunsill iddikjara li "l-baħar u l-kosta huma deżinjati bħala dominju pubbliku skont il-Kodiċi Ċivili u għalhekk huma soġġetti għall-obbligu li jiġu ppreżervati kemm fis-sustanza kif ukoll fil-forma."

Jekk il-Kumissjoni tal-Ippjanar tilqa’ din l-applikazzjoni, il-Bajja tal-Balluta se tiġi ttrasformata f’moll għad-dgħajjes privati tal-Fortina. Skont il-Moviment Graffitti, din l-attività privata se tiddomina u tniġġeż din il-bajja ċkejkna u importanti, kif ukoll toħloq periklu għall-għawwiema.

Kompla jgħid li "l-proġett iqajjem tħassib serju dwar l-impatt ambjentali fuq il-qiegħ tal-baħar u fuq il-kwalità tal-ilma, speċjalment minħabba l-fatt li l-applikazzjoni qed tiġi ppreżentata biċċa biċċa... għalhekk huwa impossibbli li jiġu vvalutati l-impatti tal-proġett b’mod olistiku. Nistaqsu wkoll jekk saritx analiżi taċ-ċaqliq tal-mewġ sabiex jiġi vvalutat x’impatt se jkollu dan il-moll fuq il-kurrenti u l-kundizzjonijiet tal-baħar madwar il-bajja."

Moviment Graffitti semma wkoll li kien tassew stramb li l-case officer qed jirrakkomanda li l-applikazzjoni tiġi approvata abbażi tal-fatt li tinkoraġġixxi dan għaliex, skontu "s-servizz mhuwiex mezz ta’ trasport alternattiv minħabba li mhuwiex la forma ta’ trasport pubbliku u lanqas ser ibiddel l-ivvjaġġar lejn il-post tax-xogħol u lura mill-art għal fuq il-baħar. Dan huwa biss katamaran privat li jipprovdi servizz addizzjonali għat-turisti u li minnu se jagħmlu profitt biss il-Fortina."

Ikkonkluda l-istqarrija tiegħu billi qal li kien inaċċettabli li jkun hemm attività kummerċjali f'post popolari tal-għawm u dan ifisser li l-interessi privati qed dejjem jiġu qabel dawk pubbliċi.

More in Politika