Żminijietna titlob li jitħassar il-ftehim ma' Steward Healthcare bl-isptarijiet jiġu f'idejn il-Gvern

L-għaqda xellugija tgħid illi d-deċiżjoni ta' Gvern Laburista li jikkumerċjalizza l-isptarijiet kienet waħda ħażina

L-Organizazzjoni Xellugija Żminijietna appellat lill-Prim Ministru Robert Abela biex iħassar il-ftehim ma’ Steward Healthcare u minflok jaħtar aġenzija pubblika li l-għan tagħha jkun li tħares l-investiment pubbliku fil-qasam tas-saħħa.

Dan hekk kif qamet kontroversja sħiħa wara rapporti fuq il-gazzetta oħt Maltatoday hekk kif l-eks PM Joseph Muscat kien preżenti f'laqgħa li l-Prim Ministru Robert Abela kellu ma' Steward Healthcare, il-kumpanija li ħadet f'idejha tliet sptraijiet li oriġinarjament kienu ngħataw lil Vitals Global Healthcare.

Żminijietna qalet illi hi tal-fehma li “l-politika tal-Gvern preċedenti Nazzjonalista ta’ għeluq ta’ kliniċi pubbliċi, kif ukoll l-‘outsourcing’ ta’ diversi servizzi kienet waslet biex l-effiċjenza fil-qasam tas-saħħa pubblika tidgħajjef, filwaqt li żdiedet l-ispiża kapitali, dan kollu biex jiġi offrut l-istess servizz mil-privat”.

“Mil-banda l-oħra l-politika li qed joffri Gvern Laburista li jikkummerċjalizza (PPP) parti mis-servizz tas-saħħa pubblika mhiex ħafna l-bogħod mil-politika tal-Gvern preċedenti. L-istess din tista’ wkoll twassal biex is-servizz offrut ma jibqax ta’ kwalità, filwaqt li ser tiżdied l-ispiża pubblika.  

L-għaqda sostniet illi bil-kontra, l-Istat hu fi dmir tiegħu li jkompli jinvesti u jamministra l-oqsma essenzjali, fosthom is-saħħa, l-edukazzjoni, l-enerġija, l-indafa pubblika u oħrajn.

“Infaħħru n-numru ta’ investimenti pubbliċi li qed isiru mil-Gvern Laburista sabiex is-servizz tas-saħħa tal-kura primarja fil-komunità jkompli jissaħħaħ," ittemm tgħid l-istqarrija ta' Żminijietna.

More in Politika