In-numru ta' nies li ma jifilħux iħallsu l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma naqas bin-nofs - Eurostat

Flimkien ma dan, in-numru ta' nies li ma setgħux isaħħnu d-dar tagħhom nizel minn 23.4% għal 7.6% fl-aħħar sitt snin

Skont statistika għall-2018 ippubblikata mill-Eurostat bejn l-2013 u l-2018 dawk li ma jifilħux  iħallsu l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma naqsu bin-nofs.

Fil-fatt, ir-rata f'Malta żdiedet biex din laħqet l-14.5% fl-2014, din issa niżlet għal 6.9% fl-2018.

Dan ifisser li waqt li fl-2013 u fl-2014 ir-rata f’Malta (14.5%) kienet 4.6 punti perċentwali ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea (9.9%), ir-rata f’pajjiżna fl-2018 (6.9%) niżlet għal daqs il-medja Ewropea (6.6%). It-tnaqqis f’pajjiżna kien iktar mid-doppju tat-tnaqqis fl-Unjoni Ewropea fl-aħħar 4 snin.

Din l-aktar statistika riċenti hija riflessa wkoll fi statistika oħra li tikkonċerna n-numru ta’ dawk li ma jaffordjawx isaħħnu djarhom fix-xitwa. 

L-għadd ta’ persuni li ma jifilħux isaħħnu djarhom illum (7.6%) hu inqas minn terz ta’ dak li kien hawn fl-2013 (23.4%).

Skont ċifri tal-Eurostat, fl-2013 kien hawn kwart tal-popolazzjoni Maltija li ma kinitx f’qagħda li ssaħħan darha u llum hawn biss wieħed minn kull 13-il persuna li ma tiflaħx tagħmel dan.

Ir-rata ta’ Malta fl-2013 kienet aktar mid-doppju tal-medja tal-Unjoni Ewropea. Illum ir-rata f’Malta waqgħet għal inqas mill-medja Ewropea. L-avvanz li għamlet Malta f’dan ir-rigward iżda kien 4 darbiet ikbar minn dak li għamlet l-Unjoni Ewropea bħala medja.

F’kumment li ta l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, qal li "dan l-avvanz kien dovut l-iktar għat-titjib ekonomiku fil-pajjiż li ħalla iktar flus fil-bwiet tal-familji Maltin u għar-roħs fil-kontijiet tad-dawl u tal-ilma f’dawn l-aħħar snin."

More in Politika