Arnold Cassola jitlob li jkun investigat Frederick Azzopardi fuq xogħolijiet f'Wied Qirda

'Din hija l-liġi tal-bulldozer' - jgħid Cassola hekk kif jesiġi li tittieħed azzjoni kontra s-CEO ta' Infrastructure Malta Frederick Azzopardi

Xogħolijiet f'Wied Qirda
Xogħolijiet f'Wied Qirda

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola fetaħ rapport kriminali għand il-pulizija illi fih qed jitlob li jkun investigat u jittieħdu passi kontra Fredrick Azzopardi - CEO ta' Infrastructure Malta, għal ksur tal-liġijiet ambjentali. 

L-ilment huwa dwar xogħolijiet mhux awtorizzati mill-istess entità f'Wied Qirda, limiti ta' Ħaż Żebbuġ, fejn passaġġ kien imwessa' u sar bit-tarmak. Cassola qal illi t-topografija tal-wied inbidlet u li dan kollu sar mingħajr permessi.

Cassola, fi stqarrija sostna illi anke jekk l-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi (ERA) ħarġet ordni biex ix-xogħol jieqaf f'Novembru li għadda, ix-xogħolijiet komplew u Infrastructure Malta issa fetħet appell kontra l-ordni tal-ERA.

"Dawn l-azzjonijiet huma ksur tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent," qal Cassola li sostna illi fejn jirrigwarda l-ambjent teżisti arja ta' impunità fil-pajjiż.  "Ma titwemminx li uffiċjal bħal Azzopardi jista' jawtorizza xogħolijiet fuq wied protett," jisħaq il-kandidat indipendenti.

"Din hija l-liġi tal-bulldozer. Azzopardi għandu jħallas għall-ħsarat li għamel minn butu għal dan l-attakk ambjentali," temm jgħid Cassola. 

Lura f'Novmebru li għadda ħaddiema ta' Infrastructure Malta kienu sfidaw ordni tal-ERA biex iwaqqfu dawn ix-xogħolijiet. Fil-fatt, minkejja li l-ERA waħħlet l-ordni mal-makkinarju, l-ħaddiema neħħew din l-ordni u komplew għaddejjin bix-xogħol. 

F'punt minnhom kellhom jissejħu l-pulizija wara illi uffiċjali tal-ERA reġgħu ordnaw lill-ħaddiema jieqfu, ordni li reġgħet kienet injorata. 

More in Politika