Flask jgħid li kull min qal li raġel għamel pipi ma' ħajt f'Kastilja qed jigdeb u jpeċlaq

Wayne Flask, attivist mal-Moviment Graffitti jgħid li hija gidba li xi ħadd għamel pipi mal-ħajt ta' Kastilja u jgħajjar lil Alex Agius Saliba giddieb

Wayne Flask
Wayne Flask

Wayne Flask, attivist tal-Moviment Graffitti u kelliem f'numru ta' protesti illum wieġeb bil-qawwi kontra l-kritika li qed issir fil-konfront ta' raġel li ntqal illi kien qed jagħmel pipi mal-ħajt ta' Kastilja, meta fil-fatt kien qed jipprova jagħmel f'bott. Huwa qal li Alex Agius Saliba huwa giddieb u sfidah jagħmillu libell, wara li dan ikkundanna lil dan ir-raġel. 

Flask iddeskriva lir-raġel bħala kollega, ħabib u raġel sew. "L-affarijiet li qed jintqalu dwaru minn ħafna nies huma sempliċi tpeċliq ta' min iħossu mhedded mill-onestà ta' nies bħalu u bħal sħabi. Il-filmat juri biċ-ċar li mhux talli ma bielniex mal-ħajt ta' Kastilja, talli lanqas fil-bott li kellu apposta ma biel. Min irrapporta l-aħbar eventwalment spiċċa aġġorna r-rapport biex jirrifletti dan kollu," sostna Flask

Iżda Flask imbagħad dawar il-kanuni fuq Alex Agius Saliba, MEP Laburista li kkundanna dan l-inċident u qal li kienu qed jitwabbdu boroż bil-pipi fihom. Hu sfida lill-MEP jikkonfrontah dwar l-akkużi li għamel kontra Moviment Graffitti. "Din hija gidba intiża biex tgħawwi lin-nies kontra l-Moviment Graffitti għal skopijiet partiġġjani, u xejn aktar. Kif jafu sew fil-partiti politiċi, ladarba tħammeġ lil xi ħadd tista' titlaq kull responsabbiltà għax il-ħsara saret."

Huwa qal illi Saliba malajr tgħallem jilbsu l-ġlekk u jitbissem falz.

"It-theddida tal-Graffitti għal nies bħal Agius Saliba mhijiex tant l-istabbiltà ta' pajjiż li ilu xahar fl-instabbiltà, iżda fil-fatt li qed nisfidaw fil-miftuħ is-sistema tal-patrunaġġ tan-negozjanti fuq il-politika. Forsi Agius Saliba jkun lest itina rendikont ta' minn fejn u kif nefaq id-donazzjonijiet għall-kampanja elettorali tiegħu?"

Huwa qal illi jekk irid Saliba jista' jiftaħlu libell.  "Sakemm jasal dak il-jum, nistqarr bl-iktar mod responsabbli li Alex Agius Saliba huwa giddieb."

More in Politika