Daphne marret il-Phoenicia mal-familja u marru jsegwu l-passi tagħha

Segwewha wkoll waqt li kienet qed taħdem u meta marret l-ajruport biex issiefer mar-raġel

It-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia segwew il-passi tagħha meta ħarġet mal-familja, meta siefret mar-raġel u meta kienet tkun bilqiegħda d-dar tikteb fuq il-laptop.

Dan żvelah is-sit Reuters hekk kif illum ippubblika dettalji ta’ xhieda li ta Vince Muscat, wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia bil-għan li jieħu l-maħfra Presidenzjali.

Din l-informazzjoni għaddieha lill-Pulizija f’April 2018 b’Reuters jikseb din l-informazzjoni s-sena li għaddiet iżda ma jippublikahiex biex ma jtellifx l-investigazzjoni.

Jidher li kollox beda f’ħanut tal-ħelu popolari fl-Imsida. Fis-sajf tal-2017, Vince Muscat wassal lil sieħbu Alfred Degiorgio f’dan il-ħanut. Ma damx. Ħareġ, rikeb il-karozza u qal lil Muscat li kellhom biċċa xogħol kbira, dik li joqtlu lil Daphne Caruana Galizia. 

Skont Muscat, it-tlett irġiel ħadu €150,000 bejniethom, bi €30,000 jirċevuhom qabel wettqu l-missjoni tagħhom u qatlu lil Daphne.

Riedu jisparawlha iżda mbagħad xtraw bomba

Muscat żvela kif il-bomba xtrawha mingħand ‘gangsters Maltin’ u waslet għandhom mingħand il-mafja Taljana.

Dan minkejja li l-pjan oriġinali kienu li jisparaw lil Daphne, fejn saħanistra kienu diġà xtraw ir-rifle li biha kellhom joqtlu lill-ġurnalista. Għal xi raġuni, wara ġimgħat isegwu lil Daphne, iddeċidew li joqtluha b’bomba.

Segwewha kull fejn marret

Skont Reuters, it-tlett irġiel bdew isegwu l-passi ta’ Caruana Galizia. Identifikaw tieqa li minnha setgħu jaraw lil Daphne taħdem fuq il-laptop tagħha.

Muscat, allegatament qal lill-investigaturi kif segwew lil Daphne meta ħarġet mal-familja u marret fil-lukanda Phoenicia u anke meta siefret mar-raġel tagħha Peter bejn is-16 u l-21 ta’ Settembru.

Kienu anke lesti biex jikkontrollaw il-kelb...

Dejjem skont Reuters, Muscat qal lill-Pulizija li kellhom diffikultà għax il-karozza ta’ Daphne ġeneralment kienet tkun ipparkjata wara grada, biswit id-dar tagħha, tant li kienu diġà ħasbu kif se jikkontrollaw lill-kelb li kien ikun hemm għassa.

Iżda fil-15 ta’ Ottubru, Matthew, iben Daphne, ħalla l-karozza pparkjata barra, kif fi kliemu, kien jagħmel spiss. 

It-tlett irġiel iddeċidew li jmexxu. Bejn il-15 u s-16 ta’ Ottubru poġġew il-bomba fil-karozza.

Il-karozza ta' Caruana Galizia, ftit minuti biss wara l-isplużjoni
Il-karozza ta' Caruana Galizia, ftit minuti biss wara l-isplużjoni

Skont Reuters, u dak li qal Muscat, Alfred Degiorgio fetaħ il-karozza. Ħuh George baqa’ għassa li ma jarahom ħadd u l-istess Muscat.

Alfred poġġa l-bomba taħt is-seat tal-passiġġier.

Minn dak li ħareġ fil-Qorti, l-għada, George Degiorgio ħareġ mill-Port il-Kbir abbord dgħajsa u minn fuqha bagħat messaġġ li attiva l-bomba li qatlet lil Daphne, ftit qabel it-3:00pm tas-16 ta’ Ottubru.

Mart Vince Muscat titkellem għall-ewwel darba...

Muscat allegatament qal ukoll li tħallsu għaxart ijiem wara li Daphne nqatlet. Il-flus tahomlhom Melvin Theuma, ix-xufier tat-taxi li ngħata l-maħfra Presidenzjali wara li identifika lilu nnifsu bħala l-intermedjarju fil-qtil.

Vince Muscat baqa’ ma ngħatax il-maħfra Presidenzjali, bil-mara tiegħu titkellem ma’ Reuters għall-ewwel darba u tisħaq li mhux Melvin kellu jingħata l-maħfra, iżda Vince għax hu wassal biex inkixfet l-informazzjoni.

More in Politika