Il-PM jħabbar li għaddejjin diskussjonijiet mal-MFA fuq programm ta’ investimenti għas-snin li ġej

Inawgurat il-pitch ġdid tal-football f’San Ġwann 

Dalgħodu l-Prim Ministru Joseph Muscat, akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, inawgura l-wiċċ ġdid tal-pitch tal-football ta’ San Ġwann FC b’investiment ta' €100,000 mill-Football Facilities Fund li hu amministrat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Għal din l-inawgurazzjoni kien hemm preżenti l-leġġenda tal-Football Taljan Franco Baresi li pparteċipa f’diversi attivitajiet mat-tfal tan-nursery ta’ San Ġwann FC.

 Muscat feraħ lill-komunità ta’ San Ġwann li se tibbenefika minn dan il-proġett. Hu qal li, kif il-Gvern qed jaħdem biex l-iskejjel ikunu miftuħin għall-komunità wkoll, bl-istess mod dan il-pitch se jkun riżorsa għat-tfal tal-iskola ta’ San Ġwann. 

Il-Prim Ministru ħabbar li għaddejjin diskussjonijiet mal-Malta Football Association fuq programm ta’ investimenti għas-snin li ġejjin. Il-ħsieb huwa li titjieb l-infrastruttura, fost oħrajn bil-ħidma biex il-pitches kollha li saru tul is-snin jinqalgħu u jsiru mill-ġdid, kif ukoll li ssir qabża fil-kwalità fuq livell ta’ tim nazzjonali. Dan il-pjan strateġiku, ibbażat fuq fondi internazzjonali, fondi tal-MFA, u fondi nazzjonali tal-Gvern, irid iwettaq sistemi ambizzjużi li jġibu r-riżultati.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li parti mill-Istrateġija tal-Isport qed tiffoka fuq it-titjib ta’ faċilitajiet tal-isport eżistenti flimkien mal-bini ta’ oħrajn ġodda li qed isseħħ bi pjan għal oqsma ta' sport differenti. Il-Gvern qed jaħdem b’mod kontinwu biex l-isport isir parti mill-ħajja tal-pubbliku ġenerali.

"Dan il-proġett hu ħolqa oħra f’katina ta’ investiment f’faċilitajiet sportivi ġodda madwar il-gżejjer Maltin bħall-proġett state-of-the art tax-Shooting Range f’Ta’ Kandja u l-pixxina indoor fil-Kottonera. L-għan ewlieni hu li l-isport ikun parti ċentrali fil-ħajja ta’ kull individwu," qal is-Segretarju Parlamentari Grima.

Preżenti kien hemm ukoll Trevor Fenech, is-Sindku ta’ San Ġwann, il-lokalità li issa għandha faċilitajiet tal-ogħla livell mgħammra wkoll b’dressing rooms u uffiċini.

Il-Football Facilities Fund hu fond maħluq apposta biex jagħti għajnuna lill-clubs tal-football fit-twettiq tal-proġetti tagħhom.

More in Politika