Lista ta’ stennija ta’ 3,000 persuna minkejja djar tal-anzjani b’sodod vojta
Il-lista ta’ stennija tkompli tiżdied minkejja li żdiedu wkoll is-sodod mixtrija mill-Gvern fi djar privati u tal-Knisja
minn Yendrick Cioffi
Il-gazzetta ILLUM tista’ tiżvela kif il-lista ta’ stennija għad-dħul fi djar tal-anzjani telgħet għal aktar minn 2,500 persuna.
Dan ifisser kif minkejja skemi biex jgħinu lill-anzjani jibqgħu fil-komunità u minkejja li l-Gvern għandu arranġamenti ma’ 17-il dar residenzjali tal-privat u tal-Knisja biex jixtri servizzi għall-anzjani, il-lista ta’ stennija qed tiżdied u mhux tonqos.
Sorsi minn dan is-settur u li tkellmu mal-gazzetta ILLUM saħqu li hemm djar oħra privati li għandhom sodod vojta iżda jidher li l-Ministeru għall-Finanzi qed iżomm xi ftit jew wisq iċ-ċinga milli jippermetti x-xiri ta’ aktar sodod.
F’April li għadda, huwa u jwieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Godfey Farrugia, il-Ministru għall-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali saħaq li x-xiri ta’ sodod mid-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u kura fil-Komunità jsir skont l-eżerċizzji ta’ ppjanar u l-fondi allokati.
“Id-dipartiment mhuwiex obbligat li jixtri kull sodda disponibbli fil-privat,” saħaq il-Ministru.
Kull sodda f’dar privata jew tal-Knisja tiswa lill-Gvern bejn €60 u €70 kull ġurnata. Dan ifisser li kull sena, il-Gvern jonfoq madwar €23,700 fuq kull persuna anzjana li tidħol f’dawn id-djar bis-saħħa tal-arranġament li jkollhom mal-Gvern.
Għalkemm ma żvelatx in-numru eżatt ta’ kemm hemm anzjani fuq il-lista ta’ stennija, kelliema għas-Segretarjat Parlamentari għall-anzjanità attiva kkonfermat ma’ din il-gazzetta li l-lista “qed taqbeż l-2,000 anzjan u anzjana.”
Madanakollu, l-istess kelliema saħqet kif il-Gvern jaqsam lil dawn l-anzjani f’kategoriji differenti, jiġifieri dawk b’dipendenza għolja, dawk b’dipendenza medja, dawk indipendenti u anke persuni li għandhom id-dimensja.
Kien għalhekk li spjegat kif il-lista ta’ stennija għal dawk l-anzjani b’dipendenza għolja u anzjani oħra li l-każ tagħhom huwa meqjus urġenti, hija ta’ madwar 250 persuna.
Il-lista kompliet tikber minkejja li l-Gvern xtara aktar sodod
Madanakollu, jekk wieħed jieħu l-listi ta’ stennija b’mod globali, ifisser li minkejja l-iskemi u l-investimenti tal-Gvern, l-għadd tal-anzjani li qed jistennew li jidħlu f’dar tal-Gvern, jew inkella biex jieħdu sodod mixtrija mill-Gvern f’residenzi privati u tal-Knisja, qed jiżdied u mhux jonqos.
Skont informazzjoni mogħtija fil-Parlament, sal-2015 kien hemm 1,405 anzjan u anzjana li kienu qed jistennew biex jidħlu f’dar tal-anzjani, jiġifieri ħafna inqas mil-lista ta’ stennija fl-2013 u fl-2014, meta din kienet ta’ madwar 2,080 persuna.
Madanakollu, jidher li flok kompliet tonqos, il-lista ta’ stennija żdiedet b’mod sostanzjali u dan minkejja li żdiedet ukoll il-lista tad-djar privati u tal-Knisja li l-Gvern qed jixtri s-sodod mingħandhom.
Fil-fatt, sa Mejju li għadda, is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Anzjanità Attiva ħabbar investiment ta’ €2.4 miljun fis-sena biex 100 sodda oħra fid-djar residenzjali privati jkunu disponibbli għall-użu minn anzjani li għandhom livell ta’ dipendenza medju jew għoli.
Permezz ta’ dan l-investiment, il-Gvern xtara 50 sodda ġewwa Casa Pinto f’Ħal Qormi u 50 sodda ġewwa l-Golden Care Home fin-Naxxar.
Sal-2017, il-Gvern kellu wkoll 95 sodda f’Central Home fil-Mosta, 40 sodda f’Casa Francesco l-Ħamrun, 94 f’Roseville f’Ħ’Attard, 191 f’Casa San Paolo f’Buġibba, 146 f’Villa Messina r-Rabat, 127 f’Casa Arkati l-Mosta u 40 f’Villa San Lawrenz f’Għawdex, fost oħrajn. (Din l-informazzjoni kienet ingħatat f’mistoqsijiet parlamentari).
Il-Gvern kemm għandu sodod għall-anzjani? Kemm iħallas biex jixtri?
Minn informazzjoni mogħtija lil din il-gazzetta, jirriżulta li fil-preżent, b’kollox il-Gvern għandu madwar 2,500 sodda f’diversi djar residenzjali, kemm dawk immexxija minnu u anke sodod oħra li xtara mingħand il-privat u l-Knisja.
Minn dawn is-sodod jibbenefikaw 802 persuni b’dipendenza għolja, madwar 1,300 anzjan u anzjana li għandhom dipendenza medja u 160 anzjan u anzjana li għandhom id-dimensja.
Kif spjegat, jirriżulta li l-Gvern iħallas €50 kuljum għal kull sodda mixtrija fid-djar privati jew tal-Knisja biex jintużaw minn anzjani indipendenti, €60 kuljum għall-anzjani b’dipendenza medja u €70 kuljum għal dawn b’dipendenza għolja.
Is-Segretarjat Parlamentari saħaq mal-ILLUM li matul din is-sena biss, il-Gvern se jkun nefaq madwar€50 miljun fis-servizzi residenzjali għall-anzjani, kif ukoll f'investiment kapitali fid-djar residenzjali.
Il-lista kibret ukoll minkejja skemi tal-Gvern biex jgħin anzjani li ma jkollhom bżonn jidħlu f’dar residenzjali, biex jibqgħu jgħixu fil-komunità.
Fost dawn, erba’ snin ilu, il-Gvern kien nieda skema li permezz tagħha jissudja paga ta’ carers li l-anzjani jkunu ġabu biex jieħdu ħsiebhom fid-djar tagħhom. Il-Gvern qed jissudja l-paga sa €5,200 fis-sena. Sas-sena li għaddiet, 223 anzjan u anzjana kienu qed jibbenefikaw minn din l-iskema.
Bil-għan li jaqta’ wkoll il-lista ta’ stennija u aktar anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità, il-Gvern beda jgħin ukoll lil dawk il-qraba li jieħdu ħsieb lill-anzjani tagħhom.
Il-Gvern jixtri sodod minn dawn id-djar tal-Privat u tal-Knisja:
- Roseville, Ħ’Attard
- Villa Messina, Ir-Rabat
- Casa Arkati, Il-Mosta
- Casa San Paolo, San Pawl il-Baħar
- Central Home, Il-Mosta
- Casa Serena, Buġibba
- Holy Family Home, In-Naxxar
- Casa Leone, San Ġiljan
- Dar Sant Anna, L-Isla
- Dar Saura, Ir-Rabat
- St Elizabeth Home, Ir-Rabat
- Casa Francesco, Il-Ħamrun
- Casa Paola, Raħal Ġdid
- Residenza San Guzepp, Il-Fgura
- Golden Care, In-Naxxar
- Casa Pinto, Ħal Qormi
- St Thomas Community Living, Wied il-Għajn