'Kif dort biex niftaħ il-forn ħassejt xafra m'għonqi'... Jixhed il-Pastizzar li kien f'xifer il-mewt

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza tkompli x-xahar id-dieħel

Dalgħodu fil-Qorti kompliet tinstema' l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta' raġel ta’ 44 sena li jinstab akkużat b’attentat ta’ qtil ta’ pastizzar.

Fis-seduta tal-lum spikkat ix-xhieda tal-vittma li spjega kif nhar it-12 ta’ Awissu, l-akkużat li hu stess iddeskriva bħala ‘ħabib tiegħu’ daħal il-ħanut għaliex kellu bżonn trabixù. “Talabni biex niftaħlu flixkun inbid u talabni wkoll ftit tortellini. Iżda kif dort lura, ġie warajha u qalli se joqtolni. Ħassejt ix-xafra mal-gerżuma u mbagħad ħassejt tliet daqqiet f’għonqi,” irrakkonta l-vittma.

F’dak il-mument l-vittma qal li beda jitkarrab u jgħidlu li għandu familja u ż-żewġ t'itfal. “Għidtlu taf kemm inħobbok, għalfejn qed tagħmel hekk? Huwa qali li, 'jekk tħobbni agħtini l-flus li għandek'. Għidtlu li se mmur nġib il-flus mill-karozza u ħrabt lejn l-għassa tal-Pulizija," irrakonta l-vittma.

Mistoqsi fil-Qorti kif kien jaf lill-akkużat, l-vittma qal li dan kien klijent regolari. "Qatt ma kellna problemi miegħu kont nqisu bħala ħabib. Meta għidt lil ibni, dan ma ridx jemmen x’ġara."

Il-Qorti semgħet kif il-vittma kien f’xifer il-mewt hekk kif kaġun tal-attakk dan tilef ħafna demm.

Minn naħa tagħha, il-prosekuzzjoni taħt it-tmexxija tal-Ispettur tal-Pulizija Kurt Zahra eżaminat ix-xhud. Minn din l-eżaminazzjoni ħareġ ukoll li meta l-vittma kien ġieli jsajjar għall-akkużat, dan tal-aħħar kien jistaqsih jekk tefagħlux xi velenu.

Fl-aħħar nett xehed ukoll wieħed mill-uffiċjali tal-Pulizija li mar fuq il-post inkwistjoni. Dan qal li meta mar fil-ħanut l-akkużat dlonk daħal fil-karozza tiegħu u qalu li jekk iridu se jkun qed jistennih id-dar. “Qas kelli ċans nuża t-taser,’ qal il-Pulizija.

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza tkompli x-xahar id-dieħel.

More in Politika