'Mhux se nabbanduna lill-PN ... qatt ma għidt li mhux se nerġa' nikkontesta'
Clyde Puli jisħaq mas-sit illum.com.mt li rapporti dwaru fuq The Times of Malta huma gidba
More in Politika
Clyde Puli jisħaq mas-sit illum.com.mt li rapporti dwaru fuq The Times of Malta huma gidba
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli, saħaq mas-sit illum.com.mt li hu fl-ebda ħin ma qal li mhux se jerġa’ jikkontesta għall-kariga meta t-terminu tiegħu jintemm f’Novembru li ġej.
Fil-Partit Nazzjonalista, it-terminu ta’ kariga ta’ Segretarju Ġenerali jiskadi kull sentejn.
Ma’ dan is-sit, Puli kien qiegħed jirreaġixxi għal artiklu li deher dalgħodu fuq il-ġurnal The Times of Malta u li jikkwota sorsi għolja fil-PN. Dawn jisħqu li Puli qal magħhom li mhux se jerġa’ jikkontesta għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali, f’Novembru li ġej.
“Jiena qatt ma għidt lil Ivan Camilleri tat-Times li mhux beħsiebni nikkontesta l-elezzjoni li jmiss,” saħaq Puli. “Kif għidt lilu nista’ nwieġeb lilkom. Mhux se nabbanduna lill-partit fl-aktar mument diffiċli. Is-sitwazzjoni preżenti saħħaħ l-impenn tiegħi li nkompli nservi fl-aħjar interess tal-partit. Imkien ma għidtlu li mhux se nikkontesta.”
Puli kompla jisħaq li din l-informazzjoni fajjarha Camilleri għar-raġunijiet li jaf biss hu. “Għidtlu wkoll li mhux se nċedi għall-ispin, il-gideb u l-assassinju tal-karattru.”
Puli jwieġeb għall-kritika li rċieva fl-aħħar ġimgħat
Fl-aħħar ġimgħat, Puli kien ikkritikat għall-kummenti tiegħu meta qal li l-Partit Nazzjonalista seta’ mar agħar fl-elezzjonijiet ta’ Mejju li għadda u dan meta wieħed jikkumpara r-riżultat ma’ dak li kienu qed ibassru s-sondaġġi.
Madanakollu, ma’ dan is-sit, Clyde Puli insista li mhux minnu li hu kuntent bir-riżultat li l-Partit Nazzjonalista kiseb.
“Jiena għidt li s-surveys kienu qed juru li kull darba li l-partit deher maqsum, kien qed inaqqas bil-kbir u meta deher xahrejn magħqud beda jirkupra,” saħaq Puli.
“Min jaf kieku għamilna sentejn ta’ għaqda, minflok xahrejn? B’daqshekk kont ferħan bir-riżultat? Għidt xi ħaġa ħażina għax tkellimt dwar l-importanza tal-għaqda fil-partit?” staqsa Puli.
Insista wkoll li “gidbu fuqu” anke fil-każ tal-co-option tas-siġġu vakat minn David Stellini.
“Qalu li jiena ħeġġiġt lil xi ħadd biex joħroġ kontra ħaddieħor, meta fil-fatt, kull ma għamilt kien xogħli,” insista Puli waqt li spjega li hu kien avża lil kull min kien intitolat jikkontesta.