George Vella jgħid li għandu 'riservi kbar' dwar l-użu rikreattiv tal-kannabis

George Vella jappella biex f'din id-diskussjoni wieħed joqgħod fuq il-pariri tal-esperti

Il-President ta’ Malta George Vella wera r-riservi “kbar” tiegħu dwar il-legalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu rikreattiv.

Vella saħaq li waqt li din id-droga jista' jkollha benefiċċji għall-kura medika, insista li wieħed għandu joqgħod fuq il-pariri tal-esperti dwar jekk il-legalizazzjoni tagħha għall-użu rikreattiv jiftaħx il-bieb għall-użu ta’ droga aktar qawwija jew inkella għall-iżvilupp ta’ dipendenza patoloġika fuq l-istess kannabis.

Il-President qal dan waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza it-tema ‘Id-Droga u s-Saħħa Mentali’, organizzata mill-Fondazzjoni Oasi, flimkien mal-Kunsill Lokali tan-Naxxar

“Kemm bħala tabib u anke bħala missier jiena għandi riservi kbar dwar kemm hu għaqli li nestendu l-użu tal-kannabis minbarra raġunijiet ta’ kura,” saħaq il-President.

Dwar l-użu tagħha għall-kura medika, Vella fakkar kif pereżempju l-morfina ilha tintuża għal mijiet ta’ snin u din għandha kemm aspetti pożittivi u anke oħrajn inqas pożittivi.

Kien għalhekk li saħaq li jekk jiġi ppruvat li l-użu tal-kannabis jista’ jkollu effetti speċifiċi pożittivi fejn tidħol il-kura medika, allura “ma jkun hemm xejn ħażin li tintuża għal dan il-għan.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon saħaq li jeħtieġ li wieħed jifhem l-impatt li d-droga jista’ jkollha fuq is-saħħa mentali, għaliex individwi li jesebixxu problemi ta’ abbuż u oħrajn mentali, huma iktar diffiċli biex jingħataw trattament effettiv.

“Għalhekk irridu naħdmu b’mod aktar multidixxiplinarju biex nagħtu direzzjoni lil dawn il-persuni,” saħaq il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali.

More in Politika