Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia sottomettiet rapport ta’ 31 paġna dwar tranżazzjonijiet suspettużi, lill-uffiċċju għall-Prevenzjoni tal-ħasil ta’ flus fil-Latvja.
Caruana Galizia qed jisħqu li dan ir-rapport isemmi membri f'network tal-ħasil tal-flus li Daphne Caruana Galizia investigat u li għalhekk jistgħu jkunu suspettati li kellhom x’jaqsmu mal-qtil tagħha.
Il-familja Caruana Galizia qalet dan fi stqarrija li fiha spjegat kif hemm ċans li l-qtil tal-ġurnalista f’Ottubru tal-2017 seta’ b’xi mod kien marbut mal-investigazzjoni tagħha fuq il-bank ABLV fil-Latvja.
Daphne Caruana Galizia kitbet fuq dan il-bank u kif, fi kliemha, dan kien parti minn network ta’ ħasil ta’ flus għal persuni fil-politika kemm f’Malta u anke fl-Ażerbajġan.
Il-familja spjegat ukoll kif Martins Bunkus, avukat mil-Latvja, li wkoll ħadem kontra l-ABVL Bank, kien inqatel wara attakk ippjanat, seba’ xhur biss wara l-qtil ta’ Caruana Galizia.
Kien għalhekk li l-familja wissiet dwar il-fatt li żewġ persuni li kienu qed jinvestigaw l-istess bank sfaw maqtula f’inqas minn sena.
Fiż-żewġ każijiet il-mandanti għadhom mhux magħrufa, bil-familja Caruana Galizia tisħaq li l-Ewropa qed tesperjenza “emerġenza kriminali,” għax hemm ċans li jinqatlu aktar nies.
Il-familja semmiet ukoll il-Pilatus Bank u fakkret kif Caruana Galizia tħalliet waħedha tinvestiga lil dawn il-bank u kif, fi kliemhom, il-Gvern Malti kien qed jaħbi l-kriminalitajiet tiegħu.
Saħqu li dan il-bank kien parti min-network ħafna akbar, involut fih ukoll il-Bank ABVL, li jiffaċilita l-ħasil tal-flus għal persuni esposti politikament f’Malta u fl-Ażerbajġan.