Il-PN jisħaq li s-sistema edukattiva għandha taħseb aktar għall-istudenti bid-dislessja

Il-Partit Nazzjonalista jniedi 15-il proposta għall-persuni bid-dislessja

L-Ewroparlamentari u l-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Francis Zammit Dimech, saħaq li s-sistema edukattiva għandha taħseb għall-bżonnijiet ta' studenti li jbatu mill-kundizzjoni tad-dislessja.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Zammit Dimech nieda dokument bil-proposti li fi kliemu tħejja wara konsultazzjoni wiegħsa kemm f'Malta kif ukoll fil-Parlament Ewropew.

L-għan tal-proposti huwa li l-persuni bid-dislessja ma jbatux minn diskriminazzjoni iżda jkunu aktar inklużi kemm fl-iskola u anke fuq il-postijiet tax-xoħol.

Fost orajn, il-proposti tal-Partit Nazzjonalista jisħqu li għandhom jingħataw riżorsi inclusion friendly lill-iskejjel kollha inkluż dawk tal-Knisja u privati, u li jkun offrut aktar taħriġ prattiku lill-għalliema u l-Learning Support Educators.

Zammit Dimech fakkar kif skont statistika Ewropea, 10% tal-istudenti fl-iskejjel f'Malta jesperjenzaw id-dislessja u għalhekk hemm bżonn aktar għalliema speċjalizzati għaliex bħalissa hawn biss 19-il għalliem speċjalizzat f'dan il-qasam.

Semma l-bżonn ta' investiment fuq teknoloġiji tal-lingwa b'mod partikolari tal-lingwa Maltija u li jkun iffaċilitat l-użu ta' teknoloġiji bħal reader pens u laptops għaliex dawn jgħinu lill-persuni bid-dislessja fil-ħajja tagħhom ta' kuljum.

Min-naħa tagħha, il-kandidata Roselyn Borg Knight qalet li l-MEPs tal-PN se jappoġġjaw it-twaqqif mill-ġdid tal-Grupp ta' Ħidma tad-Diżabilità fil-Parlament Ewropew li jittratta wkoll aspetti relatati mad-dislessja.

Saħqet dwar il-bżonn li jkun ipprovdut taħriġ, inkluż għal min jimpjega, sabiex iklun żgurat li l-inklużjoni ta' persuni bid-dislessja fuq il-post tax-xogħol filwaqt li għandu jiżdied l-għarfien fis-soċjetà u aktar professjonisti jitkellmu dwar dan is-suġġett.

Roselyn Borg Knight qalet li hemm ġenituri li jkollhom it-tfal bid-dislessja u ma jkunux jafu. “Għaldaqstant hemm bżonn iktar investiment fl-assessment tat-tfal,” saħqet il-kandidata.

Preżenti għal din il-konferenza tal- kien hemm preżenti wkoll l-kandidata għall-elezzjoni lokali f'Ħal Luqa Elaine Camilleri Schembri, l-kandidat għall-elezzjoni lokali fil-Gżira Jeremy Cardona u l-kandidat għall-elezzjoni lokali f'Tal-Pietà Josef Fitzpatrick.

More in Politika