L-Ewroxettiċi u l-populisti madwar l-Ewropa u ċans tagħhom li jkunu Brussel
L-ILLUM tati ħarsa lejn l-aħħar sondaġġi tal-Parlament Ewropew
minn Liam Carter
Wara s-sorpriżi tal-vot ta’ Brexit u r-rebħa ta’ Donald Trump fl-Istati Uniti, ħafna osservaturi politiċi kienu tal-fehma li l-populiżmu kien laħaq l-ogħla livell fl-UE. It-telfa ta’ Geert Wilders fl-Olanda u r-rebħa ta’ Emmanuel Macron fi Franza nisslet daqsxejn ta’ kuraġġ għall-Ewrokratiċi u l-istatus quo fi Brussell. Minkejja dan, l-andamenti politiċi f’diversi elezzjonijiet madwar pajjiżi membri stati reġgħu sfrattaw il-mistrieħ tal-Ewrokratiċi hekk kif fl-Italja, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, l-Awstrija u fil-Ġermanja, il-partiti populisti kisbu riżultati storiċi.
Din il-ġimgħa l-ILLUM tat ħarsa lejn is-sondaġġi tal-Parlament Ewropew li jkunu ppubblikati kull ftit żmien fil-perjodu ta’ qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew liema elezzjonijiet se jsiru Malta f’Mejju li ġej. Skont is-sondaġġi, il-partiti populisti, antimmigrazzjoni u Ewroxettiċi mistennija jagħmlu kisbiet sostanzjali.
L-ebda siġġu minn sitt siġġijiet fil-Parlament Ewropew
Id-dominju politiku f’Malta hu ddominat minn żewġ partiti ewlenin minkejja dan fi żmien riċenti twaqqfu wkoll partiti politiċi populisti. Fosthom hemm Il-Moviment Patrijotti Maltin u l-Imperium Ewropa; partit b’ideoloġija ta’ lemin estrem u Neo-Nazzista. Skont l-aħħar sondaġġi l-ebda minn dawn mhu mistenni jirbaħ xi siġġu fil-PE.
Il-Belġju: 5 minn 21 siġġu fil-Parlament Ewropew
Fil-Belġju, il-Partit New Flamish Alliance (N-VA), partit konservattiv u populist immexxi minn Bart De Wever mistenni jirbaħ erba’ siġġijiet fil-PE. L-NVA, li hu l-aktar partit politiku popolari fiż-żona tal-Flanders fil-Belġju. Dan tal-aħħar ilu żmien jisħaq li ż-żona tal-Flanders għandha ssir stat indipendenti mill-bqija tal-Belġju.
Fl-istess waqt, il-partit estremista ‘Vlaams Belang’ mistenni jirbaħ siġġu wieħed fil-Parlament Ewropew.
Ir-Repubblika Ċeka: 8 minn 21 siġġu fil-Parlament Ewropew
‘ANO 2011’ hu partit populist ċentrist fir-Repubblika Ċeka, imwaqqaf minn Andrej Babis wieħed mill-aktar persuni sinjuri fl-istess pajjiż. Dan il-partit mistenni jirbaħ tmien siġġijiet fl-elezzjonijiet li ġejjin.
Id-Danimarka: 3 minn 14-il siġġu fil-Parlament Ewropew
Taħt it-tmexxija ta’ Kristian Thulesen Dahl, id-Danish People’s Party, partit nazzjonalista populist mistenni jirbaħ tliet siġġijiet fl-elezzjoni tal-PE. Id-DPP jimxi ma’ politika li hi kontra l-immigrazzjoni.
Il-Ġermanja: 12 min 96 siġġu fil-Parlament Ewropew
Il-Partit AFD, Alternattiva għall-Ġermanja) li f’Ottubru li għadda kiseb riżultati tajbin ferm fl-elezzjoni federali fil-Ġermanja, mistenni jirbaħ 12-il siġġu fl-elezzjoni prospettiva tal-PE. Immexxi minn Frank Magnitz, l-AFD qed jippromwovi politika antimmigrazzjoni u nazzjonalista.
L-Estonja: 2 minn seba’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew
Fl-Estonja il-Partit nazzjonalista konservativ EKRE, partit kontra l-immigrazzjoni u multikulturariżmu mistenni jirbaħ żewġ siġġijiet. Apparti minn hekk, il-Ħadd li ġej se jsiru l-elezzjonijiet fl-Estonja u skont l-aħħar sondaġġi l-istess partit mistenni jakkwista 20% tat-total tal-voti u b’hekk dan isir it-tielet l-akbar partit fl-Estonja.
Il-Greċja: 2 minn 21 siġġu fil-Parlament Ewropew
F'Jannar 2015, il-partit neo-faxxist ‘Golden Dawn’ sar it-tielet l-ikbar partit politiku fil-Parlament tal-Ġreċja propju tliet snin biss wara li kkontesta l-ewwel darba fil-Parlament.
Fl-elezzjonijiet li ġejjin dan il-partit tal-lemin estrem mistenni jirbaħ żewġ siġġijiet.
Spanja: 12 minn 59 siġġu fil-Parlament Ewropew
Imwaqqaf biss sitt snin ilu, minn eks membri fil-Partit Popolari ta’ Spanja, VOX huwa moviment populista tal-lemin li fl-elezzjonijiet li ġejjin mistenni jirbaħ sitt siġġijiet fil-Parlament Ewropew.
Fl-aħħar elezzjonijiet ġenerali fi Spanja dan il-Partit kien irnexxielu jirbaħ 12-il siġġu mit-total ta’109 u b’hekk daħħal l-ewwel darba fil-Parlament.
Franza: 21 minn 79 siġġu fil-Parlament Ewropew
Ir-Ressamblent National, dik li qabel kienet tissejjaħ bħala Front National, mistennija tirbaħ 21 siġġu mit-total ta’ 79. L-RN huwa partit b’ideoloġija ta’ nazzjonaliżmu Franċiż, libertà ekonomika, populiżmu tal-lemin u kontra l-immigrazzjoni.
Min-naħa l-oħra, il-partit xellugi populist ‘La France Insoumise’, mistenni jikseb tmien siġġijiet fl-elezzjonijiet li ġejjin. Dan twaqqaf fis-sena 2016 minn Jean-Luc Mélenchon; eks Membru tal-Parlament Ewropew u eks president tal-Partit Xellugi.
Il-Kroazja: 2 minn 12-il siġġu fil-Parlament Ewropew
Fil-Kroazja, il-Partit li bl-isem ta’ Human Shield mistenni jirbaħ żewġ siġġijiet. Interessanti huwa l-fatt li dan il-partit jimxi lil hinn mill-ideoloġiji politiċi nazzjonali u minflok jgħid li għandu l-interess umanitarju fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Madankollu l-politika tagħhom hi waħda, Ewroxettika u antiestablishment.
L-Italja: 49 minn 76 siġġu fil-Parlament Ewropew
Fl-Italja, il-partiti tal-Lega Nord u l-Movimente Cinque Stelle jidhru li se jkunu l-aktar żewġ partiti politiċi fl-Italja li se jirbħu siġġijiet fil-PE. Iż-żewġ partiti li bħalissa jmexxu l-Gvern Taljan f’koalizzjoni jħaddnu twemmin politiku li jvarja però wieħed ibbażat fuq il-populiżmu u Ewroxettiċiżmu. Il-Lega ta’ Salvini mistenni jiġbor 27 siġġu filwaqt li ċ-Cinque Stelle ta’ De Maio jirbaħ 22 siġġu.
Ċipru: tnejn minn sitt siġġijiet fil-Parlament Ewropew
Fuq il-gżira ta’ Aphrodite, il-partit ELAM partit b’ideoloġija ta’ nazzjonaliżmu Grieg mistenni jirbaħ siġġu. Dan il-partit huwa wieħed Ewroxettiku u kontra l-immigrazzjoni.
Il-Latvja: 8 siġġijiet fil-Parlament Ewropew
Fil-Latvja l-Alleanza Nazzjonali, moviment ultra konservattiv u populist mistenni jikseb tmien siġġijiet. Fil-Latvja, l-Alleanza Nazzjonali hija r-raba' l-akbar partit fil-parlament nazzjonali.
Apparti minn hekk, il-partit Ewroxettiku u antiestablishement bl-isem ta’ ‘Who owns the state?’ mistenni jirbaħ l-ewwel siġġu tiegħu.
L-Ungerija: 17 minn 21 siġġu fil-Parlament Ewropew
Il-Partit tal-President attwali tal-Ungerija Victor Orban, ‘Fidesz’, partit li jħaddan ideoloġija konservattiva, nazzjonalista u populista mistenni jirbaħ 13-il siġġu fl-elezzjonijiet li ġejjin.
Intant il-‘Jobbik’ (Moviment għal Ungerija aħjar’) mistenni jirbaħ 4 siġġijiet. Dan il-partit Ungeriż għandu għeruq nazzjonalista radikali u għandu l-għan li jissalvagwardja l-prinċipji Kristjani u valuri Ungeriżi. Fil-passat dan il-partit kien deskritt bħala anti-Semitiku u saħansitra neo-Nazzist
L-Olanda: 4 minn 29 siġġu fil-Parlament Ewropew
Il-Partit Populista ta’ Geert Wilders li jħaddan politika Ewroxettika, antimmigrazzjoni u populista mistenni jirbaħ 29 siġġu fl-elezzjonijiet li ġejjin.
Fl-elezzjoni tal-2017, dan il-partit rebaħ 20 siġġu fil-Parlament Olandiż u b’hekk sar l-akbar partit fl-Olanda.
Fl-istess waqt il-partit ‘Forum for Democracy’ (FVD), partit konservattiv Ewroxettiku mistenni jirbaħ l-ewwel żewġ siġġijiet tiegħu fil-PE.
Apparti minn dan, il-partit bl-isem ta’ Christen Unie, partit politiku Kristjan li għandu wkoll pożizzjonijiet Ewroxettiċi mistenni jikseb l-ewwel siġġu tiegħu.
L-Awstrija: 11 minn 19-il siġġu fil-Parlament Ewropew
Fl-Awstrija, il-Partit tal-President attwali Sebastian Kurtz mistenni jikseb sitt siġġijiet. Il-Partit iħaddan politika populista u antimmigrazzjoni.
Apparti minn dan, il-Freedom Party of Austria, partit populista lemini u konservattiv mistenni jikseb ħames siġġijiet.
Il-Polonja: 24 minn 52 siġġu fil-Parlament Ewropew
Il-partit populist tal-lemin PIS fil-Polonja mistennija jkun l-akbar partit li jirrappreżenta l-Polonja. Attwalment, il-partit populista jinsab fit-tmun tal-Polonja u dan ta’ sikwit kien ikkritikat fuq il-politika tiegħu dwar l-immigrazzjoni u r-riformi fil-ġudikatura. Is-sena l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea bdiet proċeduri kontra l-Polonja fuq is-saltna tad-dritt fil-pajjiż, hekk kif għal-ewwel darba fl-istorja tal-UE li Artiklu 7 tat-Trattat ta' Lisbona kien invokat kontra pajjiż.
Slovakkja: 3 minn 14-il siġġu fil-Parlament Ewropew
Fl-Islovakkja l-partit ‘Sme Rodina / We Are Family,’ mistenni jikseb żewġ siġġijiet, dan huwa partit li jħaddan politika populista tal-lemin u antimmigrazzjoni.
Min-naħa l-oħra, il-partit bl-isem ta’ ‘Our Slovakia’ magħruf aħjar bħala ‘Kotleba’, partit neo-nażist mistenni jirbaħ siġġu wieħed.
L-Isvezja: 4 minn 21 siġġu fil-Parlament Ewropew
Id-Demokratiċi Svediżi, partit politiku konservattiv soċjali u populist tal-lemin fl-Isvezja mistenni jikseb 4 siġġijiet fl-elezzjoni li ġejja. Il-partit jimxi fuq ideoloġija konservattiva, nazzjonalista u antimmigrazzjoni.