Jistgħu jagħmlu sa €15-il miljun fis-sena mill-iskart grazzi għal 'monopolju'

Żewġ negozjanti kbar jagħmlu madwar €1.2 miljun kull xahar minn barriera li spiċċat għandhom grazzi għal żball ... Il-Ministru Josè Herrera ilejla jiċħad li kien żball

Il-barriera ħdejn is-Siġġiewi: potenzjal ta' €1.2 miljun fix-xahar  Ritratt Karl Azzopardi
Il-barriera ħdejn is-Siġġiewi: potenzjal ta' €1.2 miljun fix-xahar Ritratt Karl Azzopardi

Din il-gazzetta tinsab f’pożizzjoni li tiżvela illi l-operaturi Tum Invest u V&C Contractors, li flimkien jagħmlu l-kumpanija La Cava Operations Ltd, jistgħu jagħmlu madwar €1.2 miljun kull xahar minn barriera li fiha qed jintefa’ l-iskart, wara permess li ħareġ f’temp ta’ sitt ijiem biss mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Din il-barriera kienet mitluqa wara li ma setgħetx tibqa’ tintuża minħabba l-qrubija tagħha għat-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra.

Minn Lapsi Estates, immexxija fost oħrajn minn Maurice Mizzi, din il-barriera marret għand La Cava Operations Ltd. F’Lulju tal-2018 rapporti fuq il-gazzetta The Times qalu illi kien grazzi għal żball tal-Ministeru ta’ Josè Herrera li din il-barriera bdiet tilqa’ l-iskart u dan hekk kif il-Ministeru ħaseb li din kienet abbandunata meta fil-fatt ma kinitx, kienet proprjetà ta’ La Cava Operations.

Sforz dan l-iżball , kompla jgħid il-ġurnal, il-Gvern kellu jitlob li jinħareġ permess biex din il-barriera tibda tilqa’ fiha l-iskart mill-kostruzzjoni, żball illi minnu La Cava Opertions qed jagħmlu madwar €15-il miljun fis-sena. Dan apparti li bħalissa għandha wkoll monopolju fuq ir-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni.

Ilejla waqt li kien qed jindirizza l-Kumtat Parlamentari dwar l-Ambjent il-Ministru Josè Herrera ċaħad illi din il-barrriera ngħatat lil Cava Operations wara żball. Sostna illi dan kien każ ta' ordni ta' infurzar li ma kinitx qed tiġi segwita. 

Herrera kien ċaħad ukoll li l-Ministeru għamel xi forma ta' pressjoni biex jgħaddi l-permess.  

€360 kull trakk...

Din il-gazzetta tista’ tiżvela illi l-prezz li titlob La Cava Operations għal kull trakk li jarmi l-iskart huwa ta’ €360. Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu illi lejn il-barriera jmorru madwar 180 trakk kuljum li jitfgħu l-iskart fiha. Dan jammonta għal madwar €64,800 kuljum jew  €1.2 miljun fix-xahar, jiġifieri €15-il miljun fis-sena.

Dawk li tkellmu mal-ILLUM sostnew illi jkun hemm ġranet fejn in-numru ta’ trakkijiet jista’ saħansitra jlaħħaq il-250 trakk u allura d-dħul ikun ikbar.

La Cava Operations Ltd hija magħmula minn Tum Investments li għandha 51% tal-ishma u V&C Contractors, li hija fost il-kumpaniji li rebħu t-tender biex isir ix-xogħol fi Triq tal-Balal, minn Naxxar sa San Ġwann.  

Fil-fatt kemm id-diretturi, ir-rappreżentanti legali kif ukoll dawk ġudizzjarji huma Vincent Borg (V&C) u Silvan Fenech (Tum Investments).

Tajjeb wieħed jiċċara li l-prezz ta’ €360 kull trakk jgħodd miegħu ż-żidiet li għadhom kemm tħabbru din il-ġimgħa, żidiet li qajmu ħafna tħassib fost dawk li jaħdmu fis-suq tal-proprjetà.

Fil-fatt nhar it-30 ta’ Jannar il-gazzetta oħt Maltatoday żvelat kif il-prezz tar-rimi tal-iskart se jiżdied biex b’hekk il-prezz ta’ kull tunnellata ta’ skart tal-kostruzzjoni mormi fil-barriera se jiżdied minn €7 sa €12 għal kull tunnellata. Intant l-iskart mit-twaqqigħ se jiżdied minn €10 għal kull tunnellata għal €25.

Dawn iż-żidiet jikkostitwixxu żieda ta’ madwar 70%.

Tajjeb wieħed jinnota li Maurice Mizzi, li ta l-barriera lil La Cava Operations kien maħtur Gwardjan għall-Ġenerazzjonijiet Futuri mill-istess Ministru Herrera.

Il-barriera fis-Siġġiewi | Ritratt Karl Azzopardi
Il-barriera fis-Siġġiewi | Ritratt Karl Azzopardi

More in Politika