Aġġornata | Casa jisħaq li l-imejl li semma Sant tinsab fuq il-blog ta' Caruana Galizia

Alfred Sant akkuża lil Simon Busuttil u lill-'klikka' tiegħu li qed jheddu l-istituzzjonijiet Maltin meta jikkritikaw lil Malta fl-istituzzjonijiet Ewropej

L-Ewroparlamentari Alfred Sant qal li ġurnalist Olandiż mar għandu jurih imejl mibgħuta lil Daphne Caruana Galizia, lura fl-2015 u li fi kliemu ma għandu l-ebda dubju li ġejja mil-laptop li ma ngħatax lill-pulizija.

Waqt dibattitu fuq Xarabank, sant qal li l-ġurnalist mar għandu, jistaqsih dwar l-investiment ta’ Crane Currency f’Malta u urih imejl, miktuba bil-Malti u mimlija theddid lil Caruana Galizia. Skont Sant, din l-imejl intbagħtet wara l-2015.

Filwaqt li saħaq li din l-imejl żgur ma kinitx fil-laptop li ġie analizzat, l-eks Prim Ministru staqsa kif il-ġurnalist għandu kopja ta’ din l-imejl.

Casa jisħaq li t-theddida hija pubblika fuq il-blog ta' Caruana Galizia

Intant, aktar tard, l-Ewroparlamentari David Casa saħaq li t-theddida msemmija minnu kienet u għadha pubblika fuq il-blogg tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Casa insista li Sant jew irid iqarraq jew inkella jinsab konfuż għax Caruana Galizia kienet ippubblikat hi stess din l-imejl.

Il-Pulizija kienet talbet lill-Maġistrat inkwerenti biex jinġabar il-laptop ta’ Caruana Galizia bil-għan li jkun investigat kwalunkwe materjal li seta’ tefa’ dawn fuq il-qtil tagħha.

Minkejja dan, oħt Daphne Caruana Galizia, Corinne Vella, kienet qalet lill-Proġett Daphne li l-aħħar laptop li kienet qed tuża Caruana Galizia kien għandhom u għax ma għandhomx fiduċja fil-pulizija rrifjutaw li jgħadduh.

Il-Fulu jiftaħ kawża Kostituzzjonali minħabba l-laptop...

Intant, wieħed mit-tliet akkużat bil-qtil ta’ Caruana Galizia, Alfred Degiorgio, magħruf bħala “il-Fulu” fetaħ żewġ kawżi Kostituzzjonali, f’applikazzjoni minnhom jisħaq li nkisirlu d-dritt ta’ smigħ xieraq meta l-pulizija ma analizzatx dan il-laptop.

L-Avukat William Cuschieri saħaq li huwa importanti li l-pulizija tinvestiga dan il-laptop għax jista’ jinkludi fih ‘informazzjoni sensittiva,’ li tista’ titfa’ dawl fuq terzi persuni involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, fis-16 ta’ Ottubru li għadda.

Fi kliemu, il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia qed titħalla tiddetta hi x’evidenza tinġabar filwaqt li akkuża lill-Kummissarju tal-Pulizija li ma għamel xejn u mhu jagħmel xejn biex dan il-laptop jinġabar u jkun analizzat.

Waqt l-istess dibattitu, konta l-Ewroparlamentari David Casa, Alfred Sant akkuża wkoll lill-eks Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil u “l-klikka tiegħu,” li qed jheddu l-istituzzjonijiet demokratiċi Maltin.

Saħaq li l-istrateġija tal-‘klikka ta’ Busuttil,’ hija li jpinpu lil Malta bħala stat mafjuż, bi gvern korrott li ma jħarisx il-liġi. Kompla jakkużahom li qed jipprovdu lill-ġurnalisti barranin b’informazzjoni li tpoġġi lil Maltin u lill-Għawdxin f’dawl ikrah.

Temm jisħaq li l-aġir tagħhom qed jaffettwa ħażin l-attività ekonomika Maltija, bħas-setturi tas-servizzi finanzjarji u tal-igaming u wissa li din tista’ tkun qed iżżid il-pressjoni fuq Malta u stati oħra membri tal-Unjoni Ewropea biex jispiċċaw ikollhom jirrinunzjaw għas-sovranità tagħhom fuq it-taxxa korporattiva.

Min-naħa tiegħu, Casa ma qabilx ma' Sant u insista li l-ħsara lill-pajjiż qed tagħmilha dik li għal aktar minn darba sejħilha "l-klikka kriminali u korrotta ta' Kastilja."

More in Politika