Il-Fulu jakkuża lill-Kummissarju li ma għamel xejn biex iġib il-laptop ta' Caruana Galizia

L-Avukat ta' Alfred Degiorgio b'żewġ kawżi Kostituzzjonali jisħaq li l-Fulu nkisirlu d-dritt tiegħu li jkollu smigħ xieraq 

Alfred Degiorgio, “il-Fulu,” fetaħ żewġ kawżi Kostituzzjonali jisħaq li nkisirlu d-dritt ta’ smigħ xieraq wara li l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia qalet li ma għadditx lill-pulizija il-laptop li kienet tuża l-ġurnalista.

L-Avukat William Cuschieri, f’isem Degiorgio, saħaq li l-Pulizija qed tonqos mill-obbligi u r-responsabbilità tagħha li tiġbor l-evidenza kollha, kemm jekk favur u kemm jekk kontra l-akkużati waqt li akkuża lill-Kummissarju tal-Pulizija li ma għamel xejn u mhu qed jagħmel xejn biex il-familja tgħaddi l-laptop għall-investigazzjoni.

L-ewwel każ jisħaq li l-investigaturi ma analizzawx il-laptop ta’ Caruana Galizia u dan għax il-familja ma tridx.

"Il-familja qed tiddetta x'evidenza tinġabar"

Cuschieri insista li huwa importanti li dan il-laptop ikun analizzat “għax jista’ jinkludi informazzjoni sensittiva dwar terzi persuni li jistgħu jkunu responsabbli għall-qtil.”

Akkuża wkoll lill-Avukat Ġenerali li ma għamel xejn biex jassigura li l-evidenza li ppreżenta hu u l-kummissarju tal-Pulizija tkun “sħiħa u kompleta, mhux parzjali u selettiva.”

“Jidher li l-partijiet kollha qed iħallu lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia tiddetta hi x’evidenza tinġabar,” waqt li fakkar li oħt Caruana Galizia qalet fil-pubbliku li l-familja għandha l-laptop u mhux se tgħaddih lill-Kummissarju u anke f’dak li qal Matthew Caruana Galizia li “jippreferi jaħraq il-laptop quddiem il-pulizija, kieku jaf fejnhu.”

L-applikazzjoni titlob lill-Qorti biex tiddikjara li Degiorgio, wieħed mit-tliet akkużati, inkisrulu drittijiet fundamentali tiegħu u tordna li jinġabar il-laptop u s-server li kienet qed tuża Caruana Galizia.

...joġġezzjona wkoll għall-preżenza tal-espert tal-Qorti

It-tieni applikazzjoni titratta l-espert tal-Qorti Martin Bajada, bl-Avukat jisħaq li l-preżenza kontinwa tiegħu wkoll qed tikser id-dritt tal-akkużat li jkollu smigħ xieraq.

F’applikazzjoni oħra, Degiorgio kien diġà tefa' dubju fuq il-kredibilità ta’ Bajada minħabba li kien instab ħati, minn Qorti Ingliża, lura fl-1993, meta kien qed jaħdem għall-Air Malta. Minkejja dan, Bajada kemm-il darba jinħatar bħala espert tal-Qorti.

Din id-darba, l-Avukat saħaq li “l-passat kriminali” tal-espert jikser id-dritt tal-akkużat li jkollu smigħ xieraq u anke jnaqqas il-fiduċja fil-proċeduri.

L-Avukat jisħaq li l-aġenti tal-FBI ma għandhomx jixhdu

Saħaq ukoll li l-fatt li diġà hemm kawża biex Bajada jitneħħa mill-każ, jagħmlu avversarju u allura mhux xhud imparzjali. Skont l-Avukat, dan jitfa’ dubju fuq l-integrità tax-xogħol tiegħu u dak li wettqet l-FBI, minħabba li Bajada ħadem mill-qrib mal-aġenti.

Għalhekk l-Avukat saħaq mal-Qorti li l-akkużat jerġa' jinkisirlu d-dritt għal smigħ xieraq jekk l-aġenti tal-FBI kellhom jittellgħu jixhdu. Talab lill-Qorti biex dan ma jseħħx.

More in Qrati u Pulizija