Miriam Dalli: ‘Biex inkun effettiva m’għandix għalfejn nagħti xebgħa lil pajjiżi’

L-MEP Laburista Miriam Dalli tgħid illi qatt ma tista’ taċċetta li Malta tiġi kkunsidrata bħala ‘tax haven’, li hi qatt m'għajret lil ħadd 'traditur' u kif l-MEPs ta' pajjiżi oħra jiġġieldu biex isem pajjiżhom ma jitħammiġx...

‘Ir-responsabbilità ta’ politiku hija li jagħti stampa reali ta’ pajjiżu, li jikkritika fejn hemm bżonn u li bl-istess kritika ma jagħmilx il-ħsara.’ Hekk sostniet l-MEP Laburista Miriam Dalli f’intervista mal-gazzetta l-ILLUM fuq ir-riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta li ġiet approvata fil-Parlament Ewropew u dwar ir-rapport tal-Kumitat PANA.

Miriam Dalli sostniet li hi qatt ma ddeskriviet lill-MEPs Nazzjonalisti bħala tradituri iżda fl-istess waqt li kulħadd għandu d-dritt li jgħid li jrid, kulħadd irid iġorr ir-responsabbiltà ta’ dak li jkun intqal u din trid tapplika għal kulħadd l-istess. Dwar dan qalet ukoll li ‘jiena kieku ma niħux pjaċir li biex inkun effettiva nagħti xebgħa lil pajjiżi.’

L-ILLUM staqsiet lil Miriam Dalli dwar l-aħħar żjara tad-delegazzjoni ta’ MEPs li saret f’Malta biex tistħarrġu s-saltna tad-dritt f’pajjiżna u sostniet li jekk il-konklużjonijiet ta’ dan id-delegazzjoni jkunu l-istess bħal dak tal-PANA, ikun ifisser li ġew biex janalizzaw is-sistema finanzjarja tagħna u mhux is-saltna tad-dritt. Hija qed tittama li dan ir-rapport ikun wieħed oġġettiv u li jħares lejn l-aspetti kollha fid-dettall.

Hija esaġerazzjoni li s-saltna tad-dritt hija f’kollass

Miriam Dalli qalet li meta tħares lejn is-saltna tad-dritt, trid tara l-proċess kollu li bih jaħdmu l-istituzzjonijiet tal-Pulizija, l-investigazzjonijiet, il-proċess fil-Qorti u l-ġudikatura.

Saħqet li ma tista’ qatt taqbel ma’ stqarrijiet esaġerati li f’Malta hawn xi kollass tas-saltna tad-dritt, għaliex li kieku din mhix tiffunzjona ma kienx ikun possibbli li erba’ snin jiddaħħlu liġijiet dwar il-libertà tal-istampa, il-finanzjament tal-partiti, il-protezzjoni tal-‘whistleblowers’, it-tneħħija tal-libell kriminali u liġijiet oħrajn.

‘Meta titkellem fuq kollass tas-saltna tad-dritt tkun qed titkellem fuq pajjiż fejn assolutament il-liġijiet ma jaħdmux, fejn ma tkunx daħħalt liġijiet biex ikollok ‘checks and balances’, fejn għandek anarkija sħiħa u dan mhux il-każ f’Malta.’ Miriam Dalli

L-MPE Laburista qalet li f’Malta wasalna fi stadju fejn qed nitkellmu fuq ir-riforma Kostituzzjonali, għaliex il-liġi hija oġġett ħaj li trid tinbidel skont iż-żminijiet u r-realtajiet tal-ġurnata. Qalet li huwa ferm pożittiv li l-Alternattiva Demokratika hija impenjata f’dan il-proċess. Fakkret li l-Kostituzzjoni għandha tiġi emendata biex f’Malta jibqa’ jkun hawn iċ-‘checks and balances’ għal saltna tad-dritt li tiffunzjona kif mistenni.

Dwar ir-riżoluzzjoni fuq is-saltna tad-dritt f’Malta, li kienet approvata mill-Parlament Ewropew u li għaliha vvutaw favur l-MEPs kollha tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew. Il-MEP Laburista qalet li din kienet magħmula minn bosta suġġetti li ma kellhomx konnessjoni ma’ xulxin, mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, għas-saltna tad-dritt, għas-sistema tat-tassazzjoni u l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Spjegat li b’din ir-riżoluzzjoni nfetaħ bieb sabiex għal darb’oħra l-pajjiżi l-kbar ikunu jistgħu jattakkaw is-sistema finazjarja ta’ Malta, għaliex ħafna pajjiżi kbar ma jridux jaċċettaw li għandna sistema flessibbli għall-kobor u l-ħtiġijiet tagħna.

Miriam Dalli qalet li s-sistema tat-tassazzjoni tagħna ilha tiġi attakkata mill-pajjiżi l-kbar iżda dejjem kien hemm qbil bejn l-MEPs Maltin kollha kemm huma, li jkunu front wieħed flimkien biex ma jinfetaħx attakk fuq is-sistema tat-tassazzjoni u s-servizzi finanzjarji tagħna. Sostniet li ‘l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista fetħu bieb beraħ lill-MEPs l-oħra biex jattakkaw, irrilevanti minn liema partit politiku ġejjin, għax fil-Parlament Ewropew l-MEPs jimpurtahhom minn pajjiżhom. Sabu x-xoqqa f’moxtha biex jiftħu attakk fuq pajjiżna.’  

L-ewwel interess ta’ MPE oħra huwa isem pajjiżhom

Mal-ILLUM, Miriam Dalli ddeskriviet li ħafna MEPs minn pajjiżi oħra joqogħdu lura milli jikkritikaw lil pajjiżhom, tant li filwaqt li r-riżoluzzjoni semmi l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment ta’ Malta, MEPs ta’ pajjiżi oħra li wkoll għandhom programmi simili bħall-Portugall u Ċipru li ġġieldu biex ma’ pajjiżhom ma jissemmiex.

Iżda dwar l-effettività tal-MEPs Laburisti li jikkonviċu lill-MEPs Soċjalisti sħabhom li jivvutaw kontra r-riżoluzzjoni dwar Malta, Dalli qalet li wieħed jifhem li ‘meta niġu għall-fatti huwa rrilevanti l-grupp politiku għax l-ewwel interess ta’ Ewroparlamentari oħra huwa jissalvagwardja l-isem ta’ pajjiżhom’. Sostniet li jiddispjaċiha li ġew attakkati s-servizzi finanzjarji li joffru impjieg lil 10,000 persuna u li jammontaw għal 20% tal-GDP.

In-nies f’Malta mhux qed jaraw ‘stampa selettiva’

Hawnhekk l-ILLUM staqsiet fejn jistgħu jitkellmu l-MEPs jekk mhux fil-Parlament Ewropew la darba dak huwa l-forum tagħhom li għalih ġew eletti demokratikament, Miriam Dalli qalet li l-MEPs jitkellmu f’bosta fora iżda ma tarax MEPs oħra li jaqbdu l-każ ta’ assassinju ta’ ġurnalista u jabbinawh ma’ ħafna affarijiet, li fi kliemha mhux relatati u li dawn jitpoġġew f’riżoluzzjoni li kull paragrafu jkun attakk fuq pajjiżhom stess. Qalet li meta tingħata stampa selettiva, l-istampa li finalment toħroġ ma tkunx dik li jkunu qed jaraw in-nies li qegħdin f’Malta.

‘Jiena bl-ebda mod ma naċċetta li pajjiżi jitqies bħala ‘tax haven’, hekk sostniet Miriam Dalli b’referenza għar-rapport tal-OXFAM, li indika kif Malta flimkien ma’ pajjiżi oħra Ewropej għandha titqies bħala ‘tax haven’ u għalhekk titniżżel fil-lista s-sewda tal-Kummissjoni Ewropea, Miriam Dalli spjegat li hemm erba’ kriterji li bihom pajjiż jitqies bħala ‘tax haven’, li huma segretezza dwar is-sidien tal-kumpaniji, reġistru tal-kumpaniji li jkun magħluq mill-iskrutinju, li ma jkunx hemm tassazzjoni u ma jkunx hemm il-qsim tal-informazzjoni dwar it-taxxa ma’ pajjiżi oħra.

Dalli qalet li Malta ma’ taqa’ taħt l-ebda kriterju minn dawn u għalhekk qatt ma tista’ tiġi ttimbrata bħala ‘tax haven’.

Għandhom jiġu stabbiliti kriterji apposta għal ‘tax havens’

Miriam Dalli sostniet li fil-konklużjonijiet l-OXFAM iridu jpoġġu limitu ta’ kemm suppost li pajjiż jista’ jattira investiment u li jekk taqbeż il-kriterju tagħhom tal-investiment barrani mqabbel mal-GDP tal-pajjiż, allura f’daqqa waħda dak il-pajjiż partikolari jispiċċa jsir ‘tax haven’.

Sostniet li minflok għandhom jiġu stabbiliti kriterji apposta u li l-pajjiżi jiġu analizzati skont dawn il-kriterji stabbiliti minn qabel, għaliex din tkun sistema ħafna aktar oġġettiva. Qalet iżda li din hija wkoll sistema li ċertu MEPs oħra ma jridux jisimgħu biha.

Mal-ILLUM, Miriam Dalli spjegat li l-ikbar oġġezzjoni tal-pajjiżi l-kbar hija fuq il-mod kif tingħata refużjoni għat-taxxa li tkun tħallset. Qalet li għalhekk Malta hija obbligata fil-qsim tal-informazzjoni mal-pajjiżi l-oħra membri tal-Unjoni Ewropea, sabiex pajjiż Ewropew ieħor ikun jista’ jitlob li jieħu t-taxxa fuq ir-refużjoni tat-taxxa li tkun ingħatat lil dik il-kumpanija jew ċittadin tiegħu, li jkun ‘shareholder’ f’dik il-kumpanija partikolari.

'L-MEPs tal-PN fetħu bieb beraħ lill-MEPs l-oħra biex jattakkaw, għax hawnhekk l-MEPs jimpurtahom minn pajjiżhom. Sabu x-xoqqa f’moxtha biex jiftħu attakk fuq pajjiżna.’ Miriam Dalli

Spjegat ukoll li dan huwa proċess faċli li jsir għax l-Awtoritajiet Maltin huma marbuta li jridu jagħtu l-informazzjoni li tintalab mill-pajjiżi l-oħra.

Qalet li hija esaġerazzjoni wkoll meta tisma’ l-argumenti kif pajjiżi bħal Malta qed jisirqu l-flus minn pajjiżi akbar bħal Franza u l-Ġermanja meta wieħed iqis il-kobor tal-ekonomiji ta’ dawn il-pajjiżi.

L-ILLUM staqsiet kemm huwa realistiku li fl-Unjoni Ewropea tiddaħħal taxxa minima u b’hekk ikun hawn armonizzazzjoni tat-taxxa. Miriam Dalli sostniet li kull darba li l-argument jaqa’ fuq ‘tax havens’ u s-sistemi tat-tassazzjoni, l-argument tal-armonizzazzjoni tat-taxxa jerġa’ jinqala’ għaliex din ilha tiġi imbuttata mill-aktar pajjiżi kbar.

Sostniet li fl-Unjoni hemm il-pajjiżi li qegħdin fil-periferija, li ma jgawdux mill-benefiċċji li jgawdu l-pajjiżi l-oħra li jinsabu fil-qalba tal-Ewropa bħal Franza u l-Ġermanja. Spjegat li jekk ikun hemm il-Brexit u r-Renju Unit ma jibqax pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, dan ikun ifisser ukoll li ssir imbuttatura akbar għall-armonizzazzjoni tat-taxxa. Qalet li r-Renju Unit kien wieħed mill-pajjiżi l-kbar li baqa’ jopponi li din issir. 

Il-MPE Laburista Miriam Dalli qalet li ma nistgħux nibqgħu nibbażaw l-ekonomija tagħna fuq is-servizzi finanzjarji u l-‘gaming’ biss u minflok għandna niddiversifikaw fuq niċeċ oħra bħalma huma r-riċerka u l-iżvilupp.

Sostniet li post żgħar bħal Għawdex, li għandu sfidi partikolari tiegħu, jista’ jkun pajjiż ‘environmentally friendly’, ‘energy efficient’, b’ekonomija marittima u b’industriji ambjentali innovattivi. Qalet li rridu nagħtu wkoll spinta akbar lill-istartups, b’inizjattivi li jressqu lejn xulxin l-investituri u dak li għandhom ideat innovattivi għal ‘startups’ ġodda.

Nawgura li Adrian Delia jirnexxilu jgħaqqad lill-PN

L-ILLUM tkellmet ma’ Miriam Dalli dwar ix-xenarju politiku lokali wkoll, partikolarment dwar id-distakk li deher fl-aħħar stħarriġ bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista.

Dalli qalet li 70,000 differenza favur il-Labour huwa biss riżultat ta’ stħarriġ u li ma tridx tara Gvern li ma jibqax b’saqajh mal-art. Spjegat li dak li finalment jagħmel id-differenza huwa kif iħossuhom in-nies fid-djar tagħhom.

Dwar l-Oppożizzjoni, Miriam Dalli qalet li hija evidenti l-qasma fil-Partit Nazzjonalista iżda awgurat li Adrian Delia jirnexxilu jgħaqqad il-partit warajh għax mhix pożittiva għad-demokrazija li ma jkunx hawn oppożizzjoni b’saħħitha.

Għall-mistoqsija jekk hix tikkunsidra li toħroġ għat-tmexxija tal-Partit Laburista, Miriam Dalli qalet li fil-preżent fit-tmexxija hemm Joseph Muscat u ma tarax li minn issa tibda tikkunsidra jekk xi ħadd hux se jeħodlu postu.

Qalet li tixtieq li tibqa’ tagħmel xogħolha ta’ MEP bl-aħjar mod, li tibqa’ tiltaqa’ man-nies u taqbeż għal Malta fil-Parlament Ewropew.

More in Politika