Esklussiva | Nippubblikaw ir-rapport tal-FIAU dwar il-bank Pilatus

Dik li bdiet bħala storja li dominat il-midja u l-politika Maltija kollha qabel l-elezzjoni ġenerali issa qed terġa’ turi wiċċha 

L-ILLUM qed tippubblika d-dokumenti konklussivi tal-FIAU dwar il-bank Pilatus li jindikaw li filwaqt li kien hemm investigazzjoni dwar il-bank mill-FIAU, ma kien hemm l-ebda fatt inkriminanti.

L-attrazzjoni lejn il-bank kienet minħabba l-preżenza ta’ numru ta’ persuni esposti politikament (PEPs) fosthom mill-Ażerbajġan, u kif ukoll kontijiet ta’ nies fil-Gvern u allegazzjonijiet qatt ppruvati rigward il-mara tal-Prim Ministru.

Il-każ issa huwa magħluq’ – FIAU 2016

Kien Tonio Fenech, bħala Ministru għall-Finanzi li qabel l-2013 kien ħajjar lill-bank Pilatus jiġi f’Malta. Infatti l-awdituri tal-bank Pilatus kienu l-KPMG u l-avukati kienu Camilleri Preziosi.

Tant hu hekk li għat-tieġ tas-sid tal-Bank iċ-Chairman Al Sadr, kien hemm mistiedna speċjali Maltin inkluż diretturi magħrufin ta’ gazzetta prominenti.

Ħafna mill-persuni li kienu nominati fuq il-bord kienu kollha nies li b’xi mod jew ieħor kienu ġew magħżula wara suġġeriment mill-Ministeru tal-Finanzi ta’ dak iż-żmien.

Qabel l-elezzjoni ġenerali bosta gazzetti u ġurnalisti Maltin kellhom aċċess għal dawn id-dokumenti imma ma ppubblikawx il-konkluzzjonijiet, u ppubblikaw biss l-akkużi u l-allegazzjonijiet.

Il-konklużjoni li qed nippubblikaw illum tilmenta għall-mod kif il-bank Pilatus ma kinux attenti biex jgħassu fuq PEPs, iżda b’mod konklussiv ma sabu xejn inkriminanti jew kriminali.

Fil-konkluzjoni datata s-26 ta’ Settembru 2016, il-Kap tal-FIAU kiteb lill-bank Pilatus u qal: “Filwaqt li l-FIAU tirrikonoxxi li l-bank issa għandu d-dokumenti meħtieġa, l-FIAU tibqa’ mħassba fuq il-fatt li din id-dokumentazzjoni, li ġiet mitluba oriġinarjament waqt l-eżami ta’ Marzu tal-2016, ma ġietx ipprovduta lill-uffiċjali tal-istess FIAU u tal-MFSA fil-ħin.” 

“F'termini ta' ‘due diligence’ minħabba l-klijent u ż-żamma tar-rekords, din id-dokumentazzjoni kellha tkun faċilment disponibbli jew inkella b’mod li tkun tista' tinkiseb faċilment mill-‘Money Laundering Reporting Officer’.

Madankollu, din id-dokumentazzjoni kienet disponibbli biss wara l-ittra tas-17 ta' Mejju tal-2016. “Ir-raġuni għaliex id-dokumentazzjoni inkwistjoni ma ġietx provduta lill-uffiċjali matul l-ewwel eżami tibqa' mhux ċara.

L-FIAU tikkonferma li l-kwistjonijiet imqajma fl-ittra tas-17 ta' Mejju tal-2016 issa huma magħluqa.” F’rapporti estensivi, li l-ILLUM għandha wkoll, jikkonfermaw li ma nstab xejn inkriminanti għax il-bank kellu jgħaddi minn ‘due diligence’ minn KPMG u Camilleri Preziosi.

Qabel l-elezzjoni kienet Daphne Caruana Galizia li allegat li s-sid tal-kumpanija Egrant fil-bank Pilatus kienet Michelle Muscat.

Din l-allegazzjoni serja wasslet biex il-Prim Ministru jsejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija u ppreżenta lilu nnifsu flimkien ma’ martu Michelle quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, li issa ilu seba’ xhur fuq l-inkjesta.

Kien hemm ukoll akkużi u allegazzjonijiet separati kontra Keith Schembri u Adrian Hillman. Dawn it-tnejn bħal fil-każ ta' Muscat poġġew lilhom infushom quddiem inkjesta Maġisterjali dwar allegazzjonijiet ta' ħasil ta' flus. Matul dan iż-żmien kollu, apparti l-allegazzjonijiet ma kien hemm l-ebda prova li Michelle Muscat kellha kont kurrenti fil-bank Pilatus.  

L-ittra tas-17 ta’ Mejju

Ittra lil bank mibgħuta mill-FIAU fis-17 ta’ Mejju kienet titkellem dwar PEPs u kienet ċara li Manfred Galdes kien qed jaġixxi kif kien fid-dover tiegħu fuq ‘allegazzjonijiet’ li aktarx kienet għamlet is-sors Russa li kienet taħdem u tkeċċiet mill-bank Pilatus, minkejja li ma kellu xejn konkret f’idejh.

Li huwa ċert li l-investigazzjonijiet oriġinali kienu fuq suppożizzjonijiet u waqt l-ispezzjoni, l-FIAU rrimarkaw dwar nuqqas ta’ attenzjoni tal-bank. Fl-ittra kien hemm referenza ċara għall-proċeduri ta' implimentazzjoni li tirrikjedi li l-applikant għan-negozju jissottometti informazzjoni meħtieġa f’każ li huwa PEP.

L-FIAU qalet li jekk l-familjari jew persuni qrib tal-applikant huma PEPs, dawn ukoll għandhom jissottomettu l-informazzjoni meħtieġa. L-uffiċjali tal-FIAU u tal-MFSA nnutaw mal-bank Pilatus, li filwaqt li normalment l-formola KYC hija mimlija mill-applikant għan-negozju jew mill-uffiċjali tal-bank, f’dan il-każ din ma ġietx iffirmata mill-applikant għan-negozju.

L-MFSA kienu talbu kjarifiki mill-bank Pilatus tant hu hekk li l-bank kien qabbad lil KPMG u Camilleri Preziosi biex jagħmlu ‘due diligence’. 

Fl-ittra nkiteb hekk: “Għalkemm il-formola tipprovdi għażla biex timmarka jekk l-applikant hux PEP, dawn id-dokumenti ma kinux iffirmati mir-rikorrent innifsu.”

“Għandu jiġi nnutat li peress li l-formola KYC ma tagħtix spjegazzjoni dwar min għandu jiġi kkunsidrat bħala PEP, il-bank għandu jinkludi definizzjoni komprensiva, f'konformità mar-Regolament 11 (7), tal-Prevenzjoni tal-Ħasil ​​tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu. (PMLFTR).

“Huwa importanti li l-applikanti kollha għan-negozji jkollhom għarfien ċar dwar liema sitwazzjonijiet jagħtu lok għal persuna li tiġi kklassifikata bħala PEP, sabiex l-informazzjoni korretta tkun inkluża fil-formola KYC. Din il-formola għandha dejjem tkun iffirmata mill-applikant għan-negozju.” 

“Wara spezzjonijiet ulterjuri tal-lista tal-klijenti li ġiet ipprovduta lill-FIAU wara l-eżami tal-konformità, kien hemm xi għadd ta' kumpaniji li kellhom jiġu kklassifikati bħala li kellhom involviment ta' PEP imma fil-fatt ma kinux.”

“Skont regolament 11 (7)(c), kull persuna li għandha parti benefiċjarja konġunta ta' korp ġuridiku jew kwalunkwe arranġament legali ieħor, jew kwalunkwe relazzjoni kummerċjali mill-qrib ma' PEP hija kkunsidrata wkoll bħala PEP.” 

L-aħħar ittra

L-FIAU ikkonkludew: “Il-falliment mill-bank li jidentifika dawn l-involvimenti huwa meqjus bħala nuqqas kbir, partikolarment peress li dan jissuġġerixxi li l-miżuri obbligatorji ta' diliġenza dovuta ma ġewx applikati f'dawn il-każijiet.”

Wara skambju ta’ ittri, rapporti u kjarifikazzjonijiet l-aġent direttur Alfred Zammit innota li “l-bank ipprovda biss informazzjoni u dokumentazzjoni matul l-eżami li sar wara. L-FIAU tinnota li hemm preokkupazzjoni f'din il-linja ta' azzjoni u li se jinżamm rekord tal-kwistjoni mqajma. “L-FIAU żżomm id-dritt li twettaq eżami ieħor ta’ konformità fil-ġejjieni.” 

F’ittri oħrajn ġie konkluż li waqt eżami preċedenti ma nġabritx l-informazzjoni kollha “minħabba l-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ ftehim bejn l-uffiċjali tal-FIAU u l-Bank.”

“L-FIAU għalhekk iddeċidiet li twettaq eżami ieħor fuq il-post biex teżamina din id-dokumentazzjoni.” Jidher li wara li l-bank ġie eżaminat għal darba darbtejn il-Pilatus ingħataw ‘clean bill of health’ bil-proviso li l-FIAU jkomplu jgħassuh. Bħalma qed isir ma’ banek differenti barranin.

Sadanittant jidher li l-bank beda ġlieda legali kontra l-midja Maltija minħabba allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus u b’hekk xi midja kellha tneħħi l-istejjer. Huwa allegat ukoll li kien hemm kawża pendenti ta’ miljuni ta’ dollari kontra Daphne Caruana Galizia.

Il-liġi Maltija bħal dik internazzjonali tipprojbixxi li rapporti jew investigazzjonijiet tal-FIAU jew konklużjonijiet jiġu ppubblikati. Għalhekk li l-ILLUM qed tagħmel xi ħaġa li tmur kontra l-prassi, imma dan qed tagħmlu biex taqdi s-servizz lill-qarrejja f’isem il-libertà tal-istampa u kif ukoll biex il-verità f'din l-istorja fl-aħħar tasal għand il-qarrejja mhux biċċiet imma fis-sħiħ tagħha. 

Ara d-dokumentazzjoni kollha hawn taħt

More in Politika