'L-AD qed timmira li ttella MEP fl-elezzjoni tal-2019’

Marlene Farrugia, Adrian Delia, kirjiet, abort u r-riżultati xejn tajbin li kisbet l-AD f'dawn l-aħħar snin...Carmel Cacopardo intervistat

Ġimgħa ilu l-Alternattiva Demokratika eleġġiet  lil Carmel Cacopardo bħala Chairperson tagħha. Dan wara riżultat elttorali xejn sodisfaċenti għall-istess partit fl-aħħar elezzjoni u wara lista sħiħa ta’ riżultati li ħallew lill-AD bi ftit tamiet li qatt tasal ikollha siġġu Parlamentari.

Dan kollu iżda seta’ ma baqax il-każ kieku l-AD daħlet f’koalizzjoni  mal-Partit Nazzjonalista. Kien, definittivament, ikollu ċans jirbaħ is-siġġu li rebħet Marlene Farrugia fuq id-distrett ta’ Tas Sliema fejn l-AD minn dejjem kellha l-akbar numru ta’ votanti u segwaċi.

Imma ma jiddispjaċihx Cacopardo, li l-AD tilfet iċ-ċans u wieħed tad-deheb ukoll, li tkun lura fil-Parlament għall-ewwel darba minn meta kienet iffurmata u fil-parlament kien hemm Wenzu Mintoff bħala Deputat?

“Le, m’għandi l-ebda dispjaċir,” jibda mill-ewwel iwieġeb Cacopardo. “Konna nitilfu l-kredibilità. Il-PN ried biss blank cheque mingħajr rabta ta’ policy, mingħajr diskussjonijiet dwar il-kandidati. Mela jien stajt inkun fl-istess lista ta’ kandidati ma’ Josie Muscat? Bniedem razzist u omofobiku,” kompla jgħid Cacopardo għall-mistoqsija ta’ din il-gazzetta.

Imma din mhux sitwazzjoni ta’ kompromessi? Ma setgħetx l-AD aċċettat lil Josie Muscat fuq il-lista imma mbagħad ma taċċettax jew tinnegozja fuq punti oħrajn? Imma Cacopardo jinsisti li mhux din biss kienet il-problema. “Simon Busuttil u Marlene Farrugia filli jitkellmu kontra xi ħaġa u filli jitkellmu favur, bħal fil-każ tal-kaċċa. Ma kien hemm ebda rabta ta’ direzzjoni politika, anke jekk qalu li ddistkutew. Imma jien qatt ma kont se naċċetta li nkun f’lista elettorali ma’ xi ħadd li filli jaqbel u filli le.”

Baqa’ bla kjarifiki mill-PN....

Iċ-Chairman tal-AD reġa’ fakkar illi fil-każ tad-diskussjonijiet mal-PN, l-AD kienet talbet li tal-anqas ikun hemm kjarifika fuq numru ta’ kwistjonijiet. “Primarjament il-każ tal-invoices foloz, il-fatt li Beppe Fenech Adami kien Direttur tal-kumpanija  Capital One (taħt investigazzjoni mill-Pulizija Olandiża b’rabta mad-droga) u fuq din,” ikompli jgħid Cacopardo, “bħala minimu kien dak ta’ ġudizzju ħażin, il-każ ta’ Claudio Grech li qal li ma jiftakarx li ltaqa’ ma’ George Farrugia u Mario De Marco li jinnegozja f’isem klijent imbagħad jissorvelja pjani tal-istess klijent fil-Parlament.  Aħna għidna lill-PN, intom qed titkellmu fuq governanza tajba, imma intom mhux dejjem kontu ta’ eżempju.”

Cacopardo kompla jgħid illi l-AD riedet ukoll ftehim formali, li jinfirex fuq diversi setturi tal-mekkaniżmu politiku, mhux l-inqas id-dritt li jkunu l-partiti kollha li jagħżlu l-kandidati flimkien. Tant li l-AD sa fuq l-isem kien ried jiddiskuti, fis-sens li l-koalizzjoni toħroġ għall-elezzjoni taħt isem wieħed.

‘Marlene kaxxa infernali’

Cacopardo ma tantx kien kumplimentuż għal Marlene Farrugia.  F’artiklu li kiteb fuq din il-gazzetta stess akkużaha li lill-Partit Demokrtiku, użatu u ramietu bħalma persuna tuża u tarmi lumija. Insomma, prattikament għajjarha opportunista. Nistaqsiha għalfejn iħoss li l-persuna politika ta’ Marlene Farrugia ddejqu daqshekk. “Għax m’hemmx konsistenza u meta trid tifforma koalizzjoni trid taħdem f’tim. Ma tistax dak li jiftillek filgħodu xħin tqum tgħidu. Trid tiddiskuti ma’ sħabek. Il-problema ta’ Marlene hija li hi instantanja, tirreaġixxi dak il-ħin u tgħid l-affarijiet fil-mument mingħajr ma neċessarjament taħseb. Bħal meta qalet li riedet issir kap tal-PN.”

'Id-diffikultà tal-PD hija li l-forma tal-koalizzjoni titfa’ taħt dell lil dan il-partit, allura trid toqgħod tagħmel it-teatrini Marlene, biex tagħmel tajjeb' Carmel Cacopardo

Cacopardo jżid jgħid li hu m’għandu ebda dubju dwar l-intenzjonijiet ta’ Farrugia,”m’għandix dubju fuq il-ġenwinità tagħha, imma hija naqra ta’ kaxxa infernali.”

Cacopardo jindika li l-AD tista’ tkun ‘qrib ħafna’ siġġu fil-PE

Nerġgħu nduru fuq l-AD. F’30 sena l-AD qatt ma kellha suċċess kbir biżżejjed biex tispiċċa fil-Parlament, kellha xi suċċessi fuq livell ta’ kunsilli lokali inkluż fl-ewwel rounds qabel ma beda joħroġ il-PL bit-tikketta tal-partit, imma xejn aktar minn hekk.

Ma jaħsibx Cacopardo li l-AD għandha bżonn iddur dawra magħha nnifisha u tara kif se tbidel is-sitwazzjoni? Ħafna għadhom jaraw dan il-partit biss bħala pressure group.

Cacopardo ma jiċħadx, imma jgħid illi meta wieħed janalizza jinduna illi “l-AD hija b’saħħitha f’dak li huma politiki, imma dgħajfa f’termini organizzattivi.” Huwa jgħid illi diġà bdew laqgħat biex il-partit ikollu preżenza ikbar fil-lokalitajiet madwar il-pajjiż, b’timijiet ta’ nies li jkunu qed jaħdmu madwar il-kandidati.

Imma l-AD għandha miri elettorali? Hemm mira li ttella’ siġġu fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019? “Li ntellgħu siġġu hija mira kontinwa. L-ewwel nett irridu nkunu preżenti f’kemm jista’ jkun lokjalitajiet possibbli, hekk kif mal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew se jsiru l-elezzjonijiet fil-Kunsilli Lokali madwar il-pajjiż kollu.”

Imma għandu jew m’għandux miri elettorali li jtella’ siġġu? “Jekk il-pjanijiet tagħna organizzattivi jirnexxu nkunu qrib ħafna,” aċċerta Cacopardo.

Jiddeskrivi lil Delia bħala ‘arċi-konservattiv’  b’lingwaġġ tat-30jiet

Naturalment l-AD topera f’xenarju politiku, fejn hemm tliet partiti oħrajn. Is-Sibt li għadda kien elett Adrian Delia kap ġdid tal-PN u nhar l-Erbgħa għamel l-ewwel diskors tiegħu.  X’deherlu Cacopardo mill-ewwel messaġġ ta’ Delia? “Mill-ftit li smajt jidher li qed imur lura għal żmien ta’ lingwaġġ tat-tletinijiet, b’referenzi għall-kliem ‘ta’ Kattoliċi u Latini’ mill-innu tal-PN. Meta nkiteb l-innu kien jagħmel sens, imma llum iktar jimbutta n-nies.”

Infakkru li Delia kien qed jitkellem għall-folla ta’ Nazzjonalisti li bħalissa jinsabu pjuttost diżillużi bis-sitwazzjoni fil-partit. “Iva, vera, imma mhux dawk ta’ quddiemu biss kienu qed jisimgħuh. Għan-nies tal-PN jista’ jkun li dak il-lingwaġġ għamel sens, għall-bqija tal-pajjiż ma jfisser xejn u dan huwa s-sentiment ġenerali.”

Jimmaġina lill-AD tagħmel koalizzjoni mal-PN immmexxi minn Delia? Filwaqt li jsostni illi għadu kmieni u li l-unika ġudizzju li wieħed jista’ jagħmel huwa fuq l-ewwel diskors, għax “waqt il-kampanja għall-Kap ftit kien hemm diskors dwar politiki.”

Minkejja dan hu xorta jinsisti li minn dak li sema’ s’issa minn Delia ma jimmaġinax li jkun lest jagħmel koalizzjoni miegħu. Filwaqt li jiddeskrivi lill-Kap tal-PN bħala arċi-konservattiv jgħid illi l-mod kif qed jaħseb Delia huwa ta’ partit teokrartiku.

Finalment nistaqsieh jekk iħossx li l-PD, jew Marlene Farrugia, għamlitx sew li qed tirreżisti l-proċess  ta’ co-option ta’ Delia. “Id-diffikultà tal-PD hija li l-forma tal-koalizzjoni titfa’ taħt dell lil dan il-partit,  allura trid toqgħod tagħmel it-teatrini Marlene,  biex tagħmel tajjeb għal dan. Jien naħseb li Marlene Farrugia għamlet ħażin li involviet ruħha wisq fl-elezzjoni għall-Kap meta din hija xi ħaġa li jrid jiddeċiedi dwarha l-PN.”

Problema kirjiet; ‘Intaxxa proprjetà vojta’

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna din il-ġimgħa qal illi s-suq jirregola l-prezzijiet tal-kirjiet (u mhux il-Gvern). Nistaqsi lil Cacopardo jekk jaqbilx ma’ dan, bir-risposta mill-ewwel tkun li l-Ministru Scicluna qed jipprova ma jindaħalx u qed “iġib kull skuża biex ma jindaħalx. Biex inkunu ġusti qal ukoll li se jagħmel ir-reġistrazzjoni ta’ kull kirja waħda obligatorja biex allura kulħadd iħallas it-taxxa.”

“Is-suq  waħdu ma jsolvix il-problema, isolvi biss il-problema ta’ domanda u forniment, imma mhux il-problema soċjali. Għax il-kwistjoni tal-kirjiet hija waħda ekonomika, imma wkoll waħda soċjali. U jidher li l-Ministru Scicluna, qed jagħti prijorità lill-kwistjoni  ekonomika, fuq dik soċjali.”

Cacopardo jfakkar fil-proposta tal-AD, li ilha issir snin, jiġifieri dik li tkun intaxxata l-proprjetà vojta.

Ninterġetta u nistaqsih għalih xi tfisser eżatt proprjetà vojta. “Nistgħu niddiskutuha, nistgħu niddiksutu kif villeġjatura tkun eżentata pereżempju, basta din tkun qed tintuża. Mhux tkun qed tintuża darba kull ħames snin, biex nagħti eżempju.”

Cacopardo jfakkar illi l-proprjetà hija allaċjata ma’ diversi servizzi; mal-ilma, mas-servizzi ta’ telefonija, ma’ tad-drenaġġ, internet u aktar. Dan kollu jfisser li dik il-proprjetà hija piż fuq l-infrastruttura.

Infakkru kif il-kontro-argument ta’ ħafna huwa  li mhux ġust li wara tant sagrifiċċju, l-investiment tal-individwu jiġi ppenalizzat.

Imma Cacopardo ma jaqbel assoluatment xejn. “Le, inti qed tippenalizza lilek innifsek billi ma tużahiex. Ħadd mhu qed jipprova jeħdolok il-proprjetà. Qed ngħidulek użaha. Ma tistax tħalliha vojta għal dejjem. Lesti niddisktutu x’se tagħmel biha, imma mhux tħalliha vojta.”

Imma apparti l-villeġġjatura Cacoparado jfakkar li hemm tip ieħor ta’ proprjetà. “Hemm 40,000 proprjetà vojta, uħud minnhom  jinsabu  f’fażijiet differenti ta’ kostruzzjoni, imma xorta  jibqagħlek numru ta’ madwar 25,000 proprjetà vojta, abbandunati u mhux qed ikunu wżati.”

Ninterrompih u nfakkru li ta’ sikwit il-kontro-argument huwa li ħafna minn dawn il-proprjetajiet jew jinsabu fi stat ta’ abbandun totali jew inkella mhumiex abitabbli. “Le, mhux vera,” iwieġeb iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika.

Lura għall-kirjiet. L-AD taqbel ma’ proposti ta’ kontrolli fuq il-valur tal-kirjiet? “Ma dħalniex fiha f’dan l-istadju. Imma qed naraw proposti interessanti, fosthom tal-Alleanza kontra l-Faqar li qed tgħid illi għandu jkun hemm inċentiv għal dawk li jaqblu li ma jgħollux il-kera għal 10 snin. Din għandha tkun diskussa, flimkien ma’ proposti oħrajn.”

Abort: ‘Kontrih imma ejja niddiskutuh’

Indawru l-ħarsa tal-intervista fuq il-kwistjoni tal-abort. Fl-ewwel diskors tiegħu bħala chairperson tal-AD Carmel Cacopardo semma l-bżonn li tibda diskussjoni dwar dan is-suġġett. Naturalment, ir-reazzjoni kienet waħda negattiva u qajmet għagħa minn bosta bnadi.

Cacopardo jfakkar illi mill-aħħar stħarriġ li sar fuq il-gazzetta Maltatoday jirriżulta li mat-30% jħossu li f’każ ta’ stupru l-abort jista’ jkun aċċettabbli. Huwa jfakkar ukoll li kien hemm varjazzjoni differenti ta’ min jaħseb li l-abort huwa aċċettabbli, skont l-etajiet u l-livell ta’ edukazzjoni. “Jien mhux qed ngħid ejja niddeċiedu dwar l-abort,  jien qed ngħid ejja niddiskutu. Ejja jkollna diskussjoni matura , għax b’hekk nistgħu nifhmu aktar lil xulxin.”

'Jien u l-AD dejjem tkellmina kontra l-abort imma xorta rridu diskussjoni għax din tgħin lill-pajjiż, id-diskussjoni minnha nnifisha tgħin biex nifhmu aħjar l-ideat ta’ xulxin' Carmel Cacopardo

Filwaqt li jkun qed jgħid li bosta nies isiru isteriċi fil-każ, ninterrompih u nfakkru li ħafna nies jistgħu jkunu isteriċi, minħabba li jħossu li l-abort huwa qtil u fuq qtil m’hemmx kompromessi. “Xi nies jaħsbu b’dan il-mod. Jien qed ngħid biss li wasal iż-żmien li niddiskutu u li jkollna skambju ta’ ideat.”

Imma Carmel Cacopardo favur jew kontra l-abort?  “Jien u l-AD dejjem tkellmina kontra l-abort  imma xorta rridu diskussjoni għax din tgħin lill-pajjiż, id-diskussjoni minnha nnifisha tgħin biex  nifhmu aħjar l-ideat ta’ xulxin u dak waħdu huwa ġustifikabbli.”

Jappoġġja kull inizjattiva biex jerġa’ jsir referendum fuq il-kaċċa

Induru fuq il-kaċċa. Issa ilu sentejn u ftit li sar ir-referendum dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa.  Referendum li dawk li kienu kontra din il-prattika f’dan iż-żmien, inkluż l-AD, tilfu. Nistaqsih jekk jeskludi jew jekk l-AD hux qed tikkontempla li terġa’ tiftaħ il-proċess biex isir it-tieni referendum.

“L-AD ma ħadet l-ebda deċiżjoni biex isir jew jibda l-proċess tat-tieni referendum dwar il-kaċċa, imma ma neskludi xejn u aħna kull inizjattiva biex jerġa’ jsir referendum ieħor nappoġjawha.”

Nistaqsih jekk iħossx li dan ikun juri li m’aċċettax ir-riżultat tar-referendum. Imma Cacopardo jisħaq li l-liġi stess tipprovdi li wara sentejn jista’ jerġa’ jsir referendum. “Il-punt hu li jien ma naqbilx ma’ dak ir-riżultat u jekk ikun hemm il-possibilità li nbiddluh, jien dik il-possibilità se neħodha.”

Daqshekk karozzi petrol u diesel

Indawru ħarsitna lejn l-ambjent, suġġett xi ftit jew wisq sinominu mal-partiti Ħodor, kemm lokalment kif ukoll barra mill-pajjiż. X’jaħseb li huma s-soluzzjonijiet importanti li għandu bżonn jieħu l-pajjiż biex ireġġa’ lura d-degredazzjoni ambjentali li ilha tesperjenza Malta?

Huwa jdur mill-ewwel fuq il-kwistjoni tal-karozzi. “Aħna konna l-uniku partit politiku li tkellimna dwar il-bżonn li l-pajjiż ma jibqax juża karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel fl-aħħar programm elettorali,” jibda jgħid iċ-Chairman tal-AD li jfakkar ukoll kif l-istess partit qed jipproponi perjodu ta’ 20 sena biex jintemm l-użu ta’ karozzi, li jiffurmaw il-maġġoranza assoluta tal-karozzi użati f’dan il-pajjiż.

“Il-karozzi huma l-akbar raġuni għat-tniġġiż f’Malta,” ifakkar Cacopardo, “għalhekk huwa neċessarju li tiitieħed din id-deċiżjoni, illum qabel għada. Fil-mument li l-Gvern għamel din id-dikjarazzjoni u allura qed ngħidu kif  qed naqblu fuq bażi ta’ politiki. Fid-dawl ta’ dan jien għidt ukoll li għandu jsir moratorju fuq applikazzjonijiet għal bini ta’ petrol stations, mhux petrol stations ifaqqsu kullimkien. Għax jekk qed ngħidu li se nwaqqfu l-karozzi li jaħdmu bil-petrol u diesel, allura x’sens jagħmel li nibqgħu noħorġu l-permessi? Imbagħad meta wieħed jiddeċiedi x’se tkun it-triq ’il quddiem niddeċiedu dwar l-applikazzjonijiet.”

Infakkru li hemm ġerħiet oħrajn bħall-Magħtab pereżempju, x’se nagħmlu b’din il-muntanja ta’ skart?  “Ifhem hemmhekk, bħalissa hemm proċess li permezz tiegħu qed jitneħħew il-gassijiet. Ovvjament irridu naraw kif se nibqgħu fuq dak l-eżerċizzju qabel naraw it-triq ’il quddiem għall-Magħtab.”

Cacopardo jgħid iżda li l-problema hija aktar fonda minn hekk. “X’qegħdin nagħmlu biex jonqos l-iskart? X’qegħdin nagħmlu biex nirriċiklaw aktar? Ma ninsewx li f’Malta r-rata ta’ skart li jiġi riċiklat huwa ta’ 12%, meta għandek pajjiżi li jirriċiklaw erba’ jew ħames darbiet akar minna.”

Cacopardo jfakkar li l-element organiku tal-iskart huwa 50% tal-borża s-sewda. Jekk nindirizzaw dan, diġà indirizzajna 50% mill-problema.”

Huwa jirreferi wkoll għas-sitwazzjoni tal-iskart li huwa ġġenerat mir-ristoranti u tal-ħwienet. “Meta tiftakar li suppost il-ħwienet kollha għandhom kuntrattur li jiġbor l-iskart tagħhom għandha tkun faċli. Issa l-Gvern induna li għandu problema l-Belt. Imma l-istess problema tinsab f’postijiet oħrajn, bħall-Buġibba.”

“Għandu jkun implimentat dak li hemm fil-kuntratti,” jesiġi Cacopardo hekk kif nagħlqu l-intervista.

More in Politika