F'rally tal-PL li sar għall-anzjani dalgħodu fil-Belt Valletta, l-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb qal illi weġġa' bl-immaġini ta’ Muscat li kien mxerred fuq Facebook u li kien juri lil Muscat bħala persuna bid-down syndrome. "Weġġajt mhux għalik għax int tiflaħ, imma għall-ġenituri ta' dawk it-tfal li huma bid-down syndrome." Zarb kompla jgħid li dan l-immaġini, li qajjem furur fuq il-midja soċjali u anke arrest ta' min tellgħu, “huwa riflessjoni ta’ dak li qed jiġri fil-pajjiż bħalissa. Dan huwa kollu frott tal-odju u l-ħdura li nxterdet fost il-poplu Malti," qal Zarb jippunta subgħajh lejn il-Kap tal-PN Simon Busuttil.
"L-għażla hija ċara,” sostna Zarb, “bejn proposti ċari li huma costed u oħrajn li le. Imma nhar is-Sibt il-poplu jrid jagħżel bejn Joseph Muscat u Simon Busuttil. Bejn persuna pożittiva u oħra negattiva, bejn min jappella għall-għaqda u ieħor li jiżra’ l-firda, bejn min jibni u min ikisser, bejn min irid il-paċi u min jiżra’ l-ħdura..u bejn min għalih Malta tiġi l-ewwel u qabel kollox u min imur barra jħammeġ isem Malta.”
Zarb fakkar li Busuttil qal, "għalkemm pruvaw jaħbuha illi jrid Gvern labour proof, u hekk se jagħmel jekk ikun fil-Gvern, se jixkana lill-laburisti ‘l barra.”
Intant fl-istess attività Joseph Muscat qal li f’dawn l-erba’ snin "wettaqna ħafna, bdejna nagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies u jien mhux se nikkwota l-istatistika. Se nikkwota lilkom."
Hu qal illi l-mistpoqsijiet li wieħed irid jistaqsi qabel jivvota huma : "Qegħdin aħjar illum? Qiegħed aħjar il-pajjiż? Taħt min jista’ jmur aħjar pajjiżna?"
"Jien ma nibżax li l-pubbliku jiġġudikani. Jien inpoġġi wiċċi biex jiġġudikawni u naċċetta dak il-ġudizzju u ," sostna l-Mexxej Laburista li reġa saħaq illi f'każ ta' telfa hu jirreżenja mill-pożizzjoni tiegħu. .