'Joseph Muscat sejjaħ elezzjoni bikrija għax xamm li l-inkjesta se ddum biex toħroġ'

Simon Busuttil iħabbar tliet programmi elettorali, b'total ta' iktar minn 500 proposta

ritratt: James Bianchi
ritratt: James Bianchi

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kompla jinsisti li l-Prim Ministru, waqa’ f’livell ta’ redikolaġni bil-każ tar-Russi, li huma kienu mdeffsin wara l-istorja ta’ Egrant. “Sal-ġimgħa li għaddiet, kont jien warajha ta’ Egrant, issa hemm ir-Russja...il-livell ta’ redikolaġni li waqa’ fih il-Prim Ministru hu inkredibbli.”

Waqt li kien qed iniedi l-Manifest tal-Partit Nazzjonalist matul il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil qal kif il-Prim Ministru Joseph Muscat sejjaħ elezzjoni bikrija, “għax xamm li l-inkjesta kienet ġejja bit-tul, u qal aħjar issejjaħ elezzjoni malajr kemm jista’ jkun ħalli l-maġistrat ma jkunx għalaq l-inkjesta.” Bususttil kompla jsostni li huwa ċar x’għamel Joseph Muscat, “sejjaħ elezzjoni kemm jista’ jkun possibbli biex jilħaq jiżgiċċa qabel ir-riżultat.” Dan għaliex, skont Busuttil, jekk Muscat jilħaq jerġa’ jkun elett, il-maġistrat ma jsib xejn għaliex, “ikompli jikkontrolla kollox, kif għamel s’issa. L-istituzzjonijiet diġà ġġammjati, aħseb u ara jekk Muscat jerġa’ jiġi kkonfermat bħala Prim Ministru,” kompla jsostni l-Kap tal-Oppożizzjoni li żied jisħaq li l-PM approfitta mill-vantaġġ li kellu fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika u għalhekk ried elezzjoni bikrija.

Simon Busuttil, qal kif intilef kull sens ta’ mistħija, standards u diċenza li jsir dak li huwa sewwa u xieraq u għalhekk sostna li, “la nesew huma, infakkruhom aħna, għax is-sens ta’ diċenza jgħid, ‘itilqu ’l barra ħa nnaddfu Kastilja’.”

Il-Partit Nazzjonalista nieda tliet programmi elettorali, wieħed għal Għawdex b’100 proposta, wieħed immirat għaż-żgħażagħ b’100 proposta oħra, u l-manifest ewlieni bi 321 proposta.

Busuttil semma għadd ta’ proposti li jinsabu fil-programm elettorali, fosthom li l-prezz tal-fuel jonqos b’5c kull litru, filwaqt li dan il-prezz jibqa’ dejjem taħt il-medja Ewropea.

More in Politika