Deċiżjoni maħsuba ta’ May li tista' twassal għal tkaxkira kbira lill-Partit Laburista

Theresa May issejjaħ elezzjoni bikrija meta qed tgawdi vantaġġ ta’ 21 punt fil-‘polls’

Fl-1983 il-kap Laburista Michael Foot iffaċċja mara li kienet qed tikkompetilu f’elezzjoni ġenerali bħala kap tal-konservattivi, fl-Ingilterra, Margaret Thatcher. Rebħa enormi ta’ Thatcher bil-Laburisti jġibu biss 209 siġġijiet li wasslet biex Foot jirriżenja wara ftit jiem. Tgħid l-istorja se tirrepeti ruħha 34 sena wara?

Jekk l-istħarriġ pubbliku (polls) huma tajbin, l-2017 se tkun ħafna agħar minn dak iż-żmien għal-Labour. L-istħarriġ ta’ YouGov li kienu pubblikati nhar it-Tlieta wrew li l-konservattivi qed igawdu vantaġġ ta’ 21 punt. Fi tmiem il-ġimgħa, sar stħarriġ ieħor minn ComRes li wkoll taha l-istess riżultat. Skont dan l-istħarriġ, kollox juri li l-Labour se jġib inqas minn 200 siġġu, riżutat li l-Labour kienu ġabu darba biss fl-istorja meta fl-1935 kienu rebħu biss 135 siġġu fil-parlament.

Dan kollu juri li Theresa May ħabbret elezzjoni bikrija għax hi għaqlija biżżejjed u taf li jekk tirbaħ, kif kollox juri li se tagħmel, se tfarrak lil-Partit Laburista u bla dubju toqtol għal kollox lill-partit UKIP li issa m’għandhomx il-kanuni ta’ Brexit warajhom u t-3.9 miljun vot li kellhom, mistennija jisfaxxaw.

L-uniku partit li jista' jinkwetaha huma l-Liberali demokratiċi li għalkemm fil-polls għandhom biss 12%, qed juru li l-appoġġ tiela' ġmielu, u jista' anke jagħmlu l-impossibbli billi jtellgħu l-persentaġġ tagħhom għal 25%. Wieħed irid jagħti kas li rebħu diversi bye-elections lokali. Din l-elezzjoni mhux se tkun waħda normali missielta bejn il-partiti politiċi iżda kontinwazzjoni tar-referendum dwar il-Brexit. Se tkun bejn il-kostitwenti individwali li għandhom siġġu fil-parlament, jekk kinux ivvutax favur jew kontra l-Brexit.

More in Politika