'Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jagħti l-ħajja lill-Air Malta'

'Is-surplus kellu jsir mhux billi jitnaqqsu l-proġetti imma billi titnaqqas il-ħela'

"Il-Gvern ta’ Joseph Muscat falla quddiem il-ħaddiem  tal-Air Malta u l-familji tagħhom. Issa, wara dan il-falliment, il-Gvern ta’ Muscat qiegħed jipprova jitfa’ l-ħtija tas-sitwazzjoni fl-Air Malta fuq il-Unions minkejja li ilu aktar minn sena jinjora proposti ta’ sustanza mill-Partit Nazzjonalista. Il-ħaddiema tal-Air Malta mhux tgħajjir għandhom bżonn imma min jappoġġjahom, min iserviehom. L-Air Malta hija ta’ mportanza nazzjonalitant li l-ekonomija tagħna stess tiddependi fuq l-Air Malta għaliex din għandha l-interess nazzjonali ta’ pajjiżna." Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt Attività Politika bit-tema ‘Nirnexxu Lkoll Flimkien’ f’Ħad-Dingli. Simon Busuttil qal li l-Gvern ta’ Muscat qed iħalli l-Air Malta titmermer u, issa li qiegħda toqrob l-elezzjoni, aktar qiegħed jibża’ jieħu d-deċiżjonijiet. Il-Partit Nazzjonalista, qal Simon Busuttil, jiggarantixxi li jkun hemm linja tal-ajru nazzjonali li sservi lill-ħaddiema, lill-pajjiż, u lill-ekonomija.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li surplus mhux biss huwa tajjeb, imma huwa xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista jrid u li bassar saħansitra fil-programm elettorali tal-2013. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li malli mbagħad iżda tidħol fid-dettalji tar-rapport li ppubblika l-Gvern, tinduna li dan is-surplus sar għaliex in-nefqa li nagħmlu fil-pajjiż fil-proġetti qatgħuha bin-nofs. Simon Busuttil qal li mhux tajjeb li pajjiż ma’ jinvestix fi proġetti kapitali bħal toroq, bankini, pjazez, ġonna u spazji pubbliċi, proġetti ta’ restawr u oħrajn. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li f’erba’ snin il-Gvern Laburista għadu ma bediex u spiċċa proġett wieħed li għandu x’jaqsam mat-trasport. Mhux ta’ b’xejn, qal Simon Busuttil, li skont is-sondaġġi, t-traffiku sar l-akbar problema li għandhom in-nies illum.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li s-surplus ġie ukoll minn fuq dahar dawk li qiegħdin ibatu. Huwa qal li llum hawn aktar minn 3,500 persuna jibku għall-housing filwaqt li għandna fenomenu ta’ persuni jgħixu barra jew fil-karozza. Il-Gvern suppost soċjalista, qal Simon Busuttil, wara aktar minn erba’ snin, għadu lanqas biss bena appartament ta’ housing soċjali wieħed.

Huwa semma’ kif il-Gvern ġab l-iskuża tal-iskart tal-bini sabiex jipprova jispjega għaliex ma sarux proġetti ta’ housing, iżda Simon Busuttil qal li l-poplu mhux mazzun u jaf li din hija biss skuża fqira.


Il-Gvern ta’ Joseph Muscat, qal Simon Busuttil, wiegħed kemm qabel l-elezzjoni u kemm wara li se jibni djar għall-anzjani, għall-persuni b’diżabilità, għall-kura tas-saħħa iżda għaddew erba’ snin u għadu ma sar xejn. Huwa qal li issa qiegħed jingħad ukoll li d-dipartiment tad-dermatoloġija se jiġi privatiżżat baxx baxx u, fil-fatt, meta sar it-trasferiment minn Sir Paul Boffa għall-isptar tal-Onkoloġija l-ġdid, dan id-dipartiment baqa’ ma ġiex trasferit.


Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li meta l-Gvern jaqta’ l-investiment fit-toroq, fid-djar tal-anzjani, fl-iskejjel, fis-social housing, bil-fors se jirnexxielek toħloq surplus. Iżda, qal Simon Busuttil, huwa jistenna li s-surplus isir billi titneħħa l-ħela tal-Gvern fil-positions of trust, fl-appointments żejda, fil-pagi tal-konsulenza bla bżonn, u mhux billi tnaqqas l-investiment kapitali li jolqot il-kwalità tal-ħajja tal-pubbliku kollu.
Simon Busuttil qal li nofs il-popolazzjoni ma jarawx €11,000 fiis-sena. Minbarra hekk, huwa qal li qiegħda ssir diskriminazzjoni bejn persuni li qegħdin jitħallsu b’pagi differenti għall-istess xogħol. Huwa qal li, għall-kuntrarju, Il-Partit Nazzjonalista jwiegħed pagi ġusti u pagi indaqs.

Joseph Muscat, kompla l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, ilu sa mill-2010 daqqa qal li se jżid il-minimum wage, daqqa qal li se jagħmel living wage iżda sal-lum għadu ma qal xejn fil-prattika. Simon Busuttil appella lill-imsieħba soċjali sabiex ikunu huma li jsibu qbil dwar din il-kwistjoni u qal li l-Partit Nazzjonalista jafda fis-serjetà u l-impenn tagħhom tant li qiegħed jikommetti ruħu li jappoġja l-proposti konkreti tagħhom.


 

More in Politika