'L-Ewropa trid tifhem li anke dawk li jgħixu fil-periferiji għandhom leħen' - Ian Borg

'Kuntenti li għandna leħen iżda għandna bżonn widna wkoll li tismagħna' Il-President tas-CPMR

Waqt ill-Konferenza importanti li kienet organizzata f'Għawdex fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien hemm preżenti il-ministru Lewis Grech u s-segretarju parlamentari Ian Borg. Għalhekk tlabnihom il-kummenti tagħhom dwar din il-konferenza tar-reġjuni Ewropej u x'qed jistennew minn Għawdex u anke x'importanza din il-konferenza għandha għal Għawdex.

Ian Borg qalilna, “Hi kummissjoni importanti u rilevanti mhux biss fuq livell ewropew għax lilna tolqotna b’mod partikolari. Kemm bħala pajjiż għax aħna ‘island state’ kif ukoll bħala Għawdex fejn iddeċidejna li nżommuha. L-Unjoni ewropea trid tifhem li anke fost dawk li jesprimu d-dwejjaq tagħhom fil-proġetti Ewropej, għandek dawk ukoll li jgħixu fil-periferiji. Dawk li jgħixu f’żoni li ma żviluppawx daqs iċ-ċentru. Allura jekk veru rridu li nagħmlu dak li ngħidu li nisimgħu liċ-ċittadini irridu nżommu f’moħħna li nies li jgħixu f’żoni rimoti. U ħafna jaħsbu li l-gżejjer biss huma rimoti, iżda hemm il-muntanji li jkollhom reġjuni maqtugħa għalihom. Għandek ċirkostanzi fejn għajnuna speċifika għalihom tista ttaffi dak il-piż. Hu naturali li wieħed jonfoq iżjed biex iwassal affarijiet bażiċi fuq il-gżejjer. Aħseb u ara Għawdex li għandu insularita doppja li mhux biżżejjed taqbad ajruplan biex minn pajjiż ieħor tasal Malta iżda trid terġa tivjaġġa għal gżira oħra. Jekk l-Ewropa vera trid tpoġġi liċ-ċittadini fil-prijorita tagħha irridu nieħdu nota ta x’qed jingħad hawn f’dan il-forum u niżguraw li fil-pakkett il-ġdid ta wara 20/20 ikun hemm aktar għajnuna f’dawn iż-żoni li huma ġeografikament rimoti. Nisperaw li dan li qed nagħmlu eventwalment iħalli riżultat.”

“Għandu jkun hemm fondi għal dawn ir-reġjuni periferali” - Louis Grech

Sadattant il-Ministru lewis Grech li kien preżenti waqt il-bureau politiku ta' din il-kummissjoni tar-reġjuni Ewropej qal, “Importanti li saret Ghawdex ghax Ghawdex hu speċi ta’ reġjun fih innifsu. Importanti wkoll għax din il-konferenza qed tagħti support sħiħ u saħħa il-fondi tal-unjoni ewropea. Bħalissa hemm dibattitu jekk il-fondi għandhomx jibqgħu kif inhuma llum. Jekk għandhomx jibqgħu fondi jew investiment. Aħna bħala pajjiż illum ukoll semmejniha. Nemmnu li għandu jkun hemm fondi, għandu jkun hemm investiment u inċentivi, iżda għandu jkun hemm fondi speċifiċi għal dawn ir-reġjuni periferali. Din il-laqgħa tal-lum qed tagħti perspettiva  lejn pajjiżi u gżejjer li qegħdin fil-periferija. Hi importanti għalina u għal futur tal-ewwropa wkoll.”

 “Aħna rridu widna mhux biss leħen”- Vasco Cordeiro (President CPMR)

Il-President tas-CPMR kien kuntent ħafna b'dak li sar f'Għawdex anke li permezz ta' malta ir-reġjuni għandhom leħen tajjeb, iżda kompla jgħid li l-leħen hu mportanti għalkemm il-widna hi mportanti aktar li tisma l-leħen.

“Aħna rridu li jkollna widna mhux biss leħen. Inutli nitkellmu u ma jismagħna ħadd. Irridu niftakru li kienu r-reġjuni fl-Ewropa li sofrew l-aktar mill-kriżijiet finanzjarji. L-Ewropa trid tismagħna dwar dak li rridu ngħidu għal futur tal-Ewropa u jagħtu kas dak li ngħidu u jimplimentaw dak li ngħidulhom ukoll. Irridu niddefendu lil poplu li qed nirrapreżentaw fl-Ewropa. Aħna qegħdin hawn biex nibnu u mhux biex ngħidu biss l-opinjonijiet tagħna. Malta qed tmexxi dak li aħna rridu u aħna warajhom u lesti li ngħinukom fi kwalunkwe mod.”

 “Anke jekk Għawdex hu tikka kapaċi nwasslu leħinna, jekk inkunu leħen wieħed mar-reġjuni l-oħra leħinna jasal aktar - Joseph Borg (Chamber of Commerce)

Wiħed mill-kelliema f'din il-konferenza kien Joseph Borg il-viċi President tal-Gozo Business Chamber li dwar il-konferenza qal, “Għawdex hu uniku u dan għandu jservi biex jkun opportunita lio niżviluppaw niċeċ differenti. Il-presidenza maltija żgur li se twassal il-karba tal-gżejjer fl-Ewropa u irridu li l-Unjoni trid tiffoka li tnaqqas id-disparitajiet bejn il-livelli ta’ żvilupp bejn ir-reġjuni kollha. Hemm bżonn li l-ewropa tgħin l-aktar lil żoni rurali, żoni affetwati bi transizzjoni industrijali, u reġjuni li jsofru minn ‘handicaps’ demografiċi u naturali, bħal dawk ir-reġjuni muntanjużi u l-gżejjer. Dawk li kienu preżenti setgħu jaraw b’għajnejhom li anke jekk Għawdex hu tikka wasalna u mexjin fit-triq it-tajba. Għalhekk nemmnu li jekk ningħaqdu flimkien jirnexxielna aktar u leħinnha jasal aktar.”

 

 

 

More in Politika