'Jekk dawn taw xi flus lill-PN għax pretendew li jagħlqulu ħalqu, mela allura x'taw lil Muscat biex tahom dik l-art?'

Busuttil jgħid li wara d-diskors tiegħu ġie mhedded b'sms biex jrodd il-flus li db Ltd kienu taw lil PN

 

Waqt li kien qed jindirizza l-Maratona Ġbir ta' Fondi tal-Partit Nazzjonalista, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-aħħar żviluppi fil-każ tal-art tal-ITS, isaħħulu d-determinazzjoni li l-affarijiet jinbidlu fil-politika. Hu kien qed jirreaġixxi għal SMS li rċieva aktar kmieni llum mis-CEO tad-DB u talab laqgħa urġenti biex jieħu l-flus li ta lill-Partit Nazzjonalista lura. Din it-theddida saret wara li aktar kmieni dalgħodu, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar li l-Partit Nazzjonalista se jmur għand l-Awditur Ġenerali u jitolbu jinvestiga biex jara jekk l-affarijiet fit-trasferiment tal-art tal-ITS sarx sew jew le. Simon Busuttil reġa' tenna li l-Partit Nazzjonalista m'hu qiegħed f'but ħadd.  "Jien mhux se naċċetta li d-deċiżjonijiet u l-pożizzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista jittieħdu minn interessi privati," qal Simon Busuttil. Hu tkellem ukoll dwar sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess li l-politiċi jistgħu jiġu fihom - kull meta jqum kunflitt ta' interess, wieħed irid jagħżel, iżda ma jistax ikun hemm kunflitt ta' interess fil-politika.Dwar l-SMS ta' theddida li rċieva, Simon Busuttil qal "Jiġifieri l-flus li ġieli ta lill-Partit Nazzjonalista tahom biex aħna ngħalqu ħalqna? Il-flus tawhom biex jixtruna?" Hu sostna li "jekk dawn taw xi flus lill-Partit Nazzjonalista għax pretendew li jagħlqulu ħalqu, mela allura x'taw lil Muscat biex tahom dik l-art?" Simon Busuttil temm jgħid li dan kollu jsaħħaħ id-determinazzjoni tiegħu li jbiddel l-affarijiet fil-politika, jwaqqaf il-ħmieġ u li n-nies jinxtraw għal affarijiet ħżiena.

More in Politika