‘Kull deputat tal-PN li jaffaċja kunflitt ta’ nteress, irid jagħżel bejn il-politika u l-professjoni’

'illum ħarġet l-aħbar li l-kbarat tal-armata żiedulhom il-paga b’€10,000 fis-sena bil-moħbi ta’ kulħadd'

Waqt diskors fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Marsa fl-attività politika bit-tema ‘Nirnexxu Lkoll Flimkien’, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista mhux għall-bejgħ u mhux se jkun fil-but ta’ ħadd għax l-uniku interess tiegħu huwa li jagħmel dak li jaqbel lin-nies. Hu qal li l-eżempju tal-politiċi huwa importanti speċjalment issa li n-nies qed ifittxu alternattiva għall-korruzzjoni ta-Gvern Laburista qabel jaqtgħu qalbhom għal dejjem mill-politika. Il-Partit Nazzjonalista, kompla Simon Busuttil, huwa tassew il-Partit tal-integrità u l-onestà u, meta jqumu dubji, jieħu azzjoni deċiżiva mill-ewwel.

Wara li qamu domandi dwar l-involviment tad-ditta tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco fil-proġett tal-ITS, Simon Busuttil qal li l- Partit Nazzjonalista għandu l-obbligu li jwieġeb b’mod ċar u onest. Huwa ħabbar li Mario de Marco se jirrinunzja l-involviment tad-ditta tiegħu. Simon Busuttil qal li qiegħed jagħmilha ċara li kull darba li deputat tal-Partit Nazzjonalista jaffaċja kunfiltt ta’ nteress, dan għandu mill-ewwel jagħżel bejn il-ħajja pubblika u dik professjonali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Mario de Marco għażel li jabbanduna l-proġett fil-kapaċità professjonali tiegħu u qal li l- Partit Nazzjonalista, f’inqas minn erba’ u għoxrin siegħa wara li ħarġet l-aħbar, diġà’ ħa pożizzjoni soda u għamel deċiżjoni mportanti. Min-naħa l-oħra, l-Gvern ta’ Joseph Muscat jibqa’ jkaxkar saqajh fuq każi ċari ta’ kunflitt ta’ interess, qal Simon Busuttil.

“Waqt li l-prezz tal-ikel jgħola, dawk tal-qalba jkomplu jagħmlu l-eluf u l-miljuni”

Min-naħa l-oħra, qal Simon Busuttil, illum ħarġet l-aħbar li l-kbarat tal-armata żiedulhom il-paga b’€10,000 fis-sena bil-moħbi ta’ kulħadd. Huwa qal li filwaqt li għaż-żgħir jgħolew l-ispejjeż u l-pagi jibqgħu l-istess, għal min hu kbir il-paga tgħola b’mod esaġerat.

Wara li reġa semma l-każ tal-Panama Simon Busuttil qal li minkejja li Joseph Muscat ma jinteressah minn xejn, il-Partit Nazzjonalista jinteressah u huwa għalhekk li se jara li ssir ġustizzja u li pajjiżna jitnaddaf mill-qiegħ wara l-elezzjoni li jmiss.

Simon Busuttil qal li fil-bidu l-Gvern ta’ Joseph Muscat kien jipprova jinjora lill-Partit Nazzjonalista, u wara ftit beda jfittex li jirredikolah. F’din il-fażi, tenna Simon Busuttil, il-Gvern qiegħed kontinwamnet jattakka lill-Partit Nazzjonalista. Simon Busuttil qal li rebħa għall-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali tkun tassew rebħa għall-poplu Malta.

More in Politika