Jidher li fost il-Matin....jekk int raġel li tivvota għall-Partit Laburtista u b'edukazzjoni post sekondarja, aktar faċli li taqbel ma' dak li jgħid il-President tal-Istati Uniti Donald Trump !
Stħarriġ li sar mill-gazzetta MaltaToday, juri li 15% biss tal-popolazzjoni Maltija għandhom impressjoni pożittiva tal-President tal-Istati Uniti, l-ideat u l-politiċi tiegħu.
Mill-kampjun ta' nies mistoqsija fl-istħarriġ, tnejn minn kull tliet Malti qalu li għandhom impressjoni negattiva ta' Donald Trump, li speċjalment minn kif inhu mpinġi fuq il-media, jispikka aktar għall-kummenti sessisti u razzisti milli għall-miżuri li għandu pjanati biex skont hu "jerġa' jagħmel lill-Amerika grandjuża".
Fost il-Maltin, ħareġ li hemm aktar votanti Laburisti minn dawk Nazzjonalisti li għandhom impressjoni pożitiva ta' Trump u l-ideat tiegħu, minkejja li b'mod ġenerali, maġġoranza kbira miż-żewġ naħat ma jogħoġobhomx Trump. Infatti 74% tan-Nazzjonalisit li ħadu sehem fl-istħarriġ u 58% tal-Laburisti qalu li għandhom impressjoni negattva ta' Trump.
L-istħarriġ wera li filwaqt li 8% biss tal-votanti Nazzjonalisti jissimpatizzaw ma' Trump, dawk Laburisti jitilgħu għal 24% u fost l-iswitchers (dawk li vvotaw PN fl-2008, iżda PL fl-2013) il-persentaġġ ta' simpatizzanti ta' Trump kien ta' 20%
Il-livell soċjali u dak tal-edukazzjoni tal-Maltin ikkontribwixxa wkoll għall-impressjoni dwar Trump, fejn ir-riżultati wrew li bl-istess mod bħal ma ġara fl-Istati Uniti stess, Trump jolqot aktar il-klassi medja u l-ħaddiema mhux gradwati mill-Università. Daqs 10% biss tan-nies gradwati mill-Università kellhom impressjoni favorevoli ta' Trump, b'kuntrast ma' 21% ta' dawk b'edukazzjoni post sekondarja u 16% fost dawk b'edukazzjoni sekondarja biss.
L-inqas riżultat sorprendenti tal-istħarriġ, wisq probabbli dovut għall-ammont ta' kummenti sessisti li Donald Trump huwa famuż għalihom, in-numru ta' rġiel li jiffavorixxu l-Trump huwa iktar minn nisa, hekk kif 17% tal-irġiel mistoqsija għandhom impressjoni tajba ta' Trump, imqabbla ma' 13% ta' nisa li għandhom l-istess ġudizzju lejh.