‘Aħna ħadna lil Malta minn tal-barrani għal Brussell u l-PL ħadha minn Brussell għal Burdell’

‘Aktar tħanżir waqt li jbaxxu d-dinjità tan-nies’

Waqt attività politika fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista tal-Fgura, l-Kap talPartit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-wegħda ċara tiegħu hi li jagħti lura lill-familji Maltin pajjiż normali fejn in-nies iserrħu rashom li min qiegħed imexxi huwa onest, serju, u jirrispetta l-fiduċja tagħhom. 

Simon Busuttil qal li f’ġimgħa li kellha tkun importanti għall-Malta, “kellu jkun mument li jgħaqqad lill-pajjiż kollu, li jġiegħlna nħossuna kburin bħala Malitn. Iżda minflok kienet ġurnata ta’ kburija, il-ġurnata tas-summit ġiegħlitna nistħu hekk kif kulħadd kien qiegħed jitkellem dwar l-imġieba tal-Ministru Cardona.”

“Issa li qegħdin naraw li l-Ministru tal-Ekonomija jagħmel xi waħda kull darba li jsiefer fuq xogħol uffiċjali” Simon Busuttil qal li jkun tajjeb li nkunu nafu kemm-il darba Chris Cardona siefer, kemm ħallas f’divertiment, u għal-liema tip ta’ divertiment. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li Chris Cardona m’għandux ibattal minibar, jew iżur briedel meta jkun qiegħed jirrapreżenta lill-Malta.

Simon Busuttil qal li l-Gvern matul dawn l-erba’ snin tefa’ lura l-istandards tal-pajjiż u semma’ li xi ħadd riċentament qallu li filwaqt li Gvern Nazzjonalista ħa lil Malta minn Tal-Barrani għall-Brussell, il-Gvern ta’ Joseph Muscat ħadha minn Brussell għall-Burdell.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li, sa dalgħodu stess ħarġet storja skandaluża oħra fil-gazzetti. Huwa spjega kif wieħed mill-kuntratturi li kienu qed jirċievu ċ-ċekkijiet mingħand il-canvasser tal-Ministru Evarist Bartolo, kien proprju l-kuntrattur li suppost kixef is-suppost allegazzjonijiet kontra rraġel tal-eks Ministru Giovanna Debono.

Il-Gvern Laburista xtara lil dan il-kuntrattur, qal Simon Busuttil, biex ikisser familja; ikisser lir-raġel ta’ politiku ewlieni; ikisser lil Giovanna Debono. Simon Busuttil qal li jidher li kulħadd għandu prezz taħt dan il-Gvern, u l-prezz ta’ dan it-taparsi whistleblower kien ta’ nofs miljun ewro f’kuntratti. Fil-fatt, kompla Simon Busuttil, dan l-istess kuntrattur intuża anke biex jiġi attakkah huwa stess bħala Kap tal-Oppożizzjoni, b’allegazzjonjiet foloz.

Busuttil qal li, fost skandli oħra, “din il-ġimgħa skoprejna wkoll li l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista Jimmy Magro nqabad jipprova jieħu perċentwal fuq kuntratti tal-Gvern. Simon Busuttil sellem lil dak il-ħaddiem li lil Jimmy Magro waqaflu u qallu li jekk irid il-flus, għandu jmur jaħdem għalihom”

Simon Busuttil sostna li l-Unjoni Ewroepa mhix qiegħda hemm biex issalvana minna nfusna: kien il-poplu li poġġa lill-Gvern fejn hu u issa jrid ikun l-istess poplu li jneħħi dan il-Gvern korrott.

Simon Busuttil qal li kulma jistennew in-nies huwa li jgħixu f’pajjiż normali, li tista’ tgħix fih bis-serħan tal-moħħ u mingħajr ma tistenbaħ b’xi skandlu. Busuttil qal li għal min irid pajjiż normali, l-għażla hija ċara: huwa l-Partit Nazzjonalista jagħtik il-garanzija tan-normalità. 

More in Politika