Eks ġurnalista tat-Times tingħaqad mal-PN biex taħdem 'kontra Gvern mifni bil-korruzzjoni'

Caroline Muscat se tkun qed tmexxi l-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista fil-kariga ta' Campaign Director

Caroline Muscat
Caroline Muscat

Caroline Muscat, li hi news editor tal-gazzetta Times of Malta inħatret bħala direttur tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista. 

Muscat spjegat li hi ma riditx tinvolvi ruħha fil-politika minħabba x-xogġol tagħha ta' ġurnalista imma, "dak li qed nara jiġri madwari wassalni biex nieħu pożizzjoni. Ma baqagħli l-ebda dubju li dan il-Gvern hu mifni bil-korruzzjoni u għalhekk qed nitlaq mill-karriera ġurnalistika tiegħi biex nagħmel din il-ħidma ġdida.”  

“Il-ħabi u n-nuqqas gravi ta’ informazzjoni, li saru t-timbru ta’ dan il-Gvern, mhux qed iħallu lill-ġurnalisti jwettqu x-xogħol tagħhom. Dan qed jagħmel ħsara lill-pajjiż u qed jhedded id-demokrazija,” kompliet tgħid Caroline Muscat.

Qabel il-ġurnaliżmu, Caroline Muscat ħadmet f’kampanji oħra, kemm f’Malta kif ukoll barra, għal aktar minn 20 sena.

Hi kienet il-ġurnalista li kixfet l-iskandlu ta’ Gaffarena, fost oħrajn. “Dan l-iskandlu wrieni kemm lesti jaslu n-nies qrib dan il-Gvern biex jinqdew huma. Dan la kien l-ewwel u lanqas l-aħħar skandlu li jheżżeż lil dan il-Gvern,” spjegat Caroline Muscat.

“Iddeċidejt li naċċetta din il-ħidma għax nemmen li Simon Busuttil jista’ jmexxi lill-Partit Nazzjonalista biex jifforma Gvern alternattiv b’saħħtu li jpoġġi l-interess nazzjonali l-ewwel”, qalet id-Direttur il-ġdida tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista. 

“L-ewwel ħaġa, se ngħaqqad tim li jkun iffukat li jisma’ l-bżonnijiet, it-tħassib u x-xewqat tan-nies u mbagħad li ngħidu kif il-Partit Nazzjonalista se jġib il-bidla li dan il-pajjiż tant għandu bżonn,” temmet tgħid id-Direttur il-ġdida tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista Caroline Muscat.

Minħabba din il-kariga l-ġdida, Muscat irriżenjat mill-kariga li għandha bħalissa ta’ News Editor tat-Times of Malta u se tkun qed tirriżenja wkoll minn Viċi President tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.

More in Politika