Jesplodi vulkan fil-Labour dwar kuntratt lil bloger ta’ kontra l-Labour

Kien hemm rabja kbira kontra d-deċiżjoni li kuntratt ingħata lil Mark Camilleri - Fil-kritika ssemmew Owen Bonnici imma anke l-Prim Ministru

Sena ilu, Mark Camilleri, wieħed mill-ikbar kritiċi tal-Labour, u wieħed ukoll assoċjat ma’ diskors kattiv u oxxen kontra ħafna mill-esponenti tal-Labour, kellu kuntratt sfrattat wara li l-gazzetta oħt MaltaToday kixfet li kien hemm ordni mill-uffiċċju tal-Prim Ministru biex jingħata kuntratt. Dan ġara sen’ilu. Illum, kuntratt ieħor simili ġie ffirmat u l-istess gazzetta ħarġet id-dettalji u din wasslet għal dulluvju ta’ kummenti minn diriġenti tal-Labour diżgustati b’dak li ġara. 

Camilleri, li jgħix Spanja, jippoża ta’ media owner u għandu problemi finanzjarji kbar, għamel kruċjata kontra l-Gvern Laburista u Robert Abela stess. Imma dan ma waqqfux milli jkompli jagħmel pressjoni fuq il-Gvern Laburista biex itih kuntratt. 

Fl-istess ħin huwa rrappurtat li Camilleri għandu jagħti eluf ta’ ewro wara li kien talab xi nies flus kbar bis-self. U dan ukoll wara li dawn in-nies belgħu l-lixka ta’ Camilleri. 

Camilleri, apparti li jattakka diriġenti tal-Labour, juża kliem iebes u kważi faxxist fil-konfront ta’ xi nies fir-rapporti tiegħu. Telaq minn Malta biex jgħix Spanja wara li kien spiċċa minn Kap Eżekuttiv tal-Kunsill tal-Ktieb u wara problemi serji li kellu f’xi episodju li kellu f’investiment fil-crypto currency. 

Imma ferm aktar interessanti huma l-kummenti bil-gzuz li kien hemm fuq chats tal-Whatsapp tal-attivisti tal-Labour li tikxef rabja għat-tmexxija tal-Labour. U filwaqt li hemm ħafna tgħajjir għal Owen Bonnici, kien hemm ħafna li indikaw li Bonnici ma setax ħa deċiżjoni bħal din mingħajr il-kunsens jew l-ordni minn Kastilja. 

Persuna li jaf lil Owen Bonnici qal lil din il-gazzetta: “Dan mhux xogħol Owen. Owen għamel kif qalulu. Imma interessanti li storja bħal din twassal għal din it-tip ta’ reazzjoni mill-attivisti. Qisu hemm vulkan qed jesplodi. Il-Laburisti xebgħu.” 

Kompla jgħid: “Lanqas huwa sew li nies bħal Neville Gafà jimtlew b’mibegħda kontra xi ħadd (Owen Bonnici). Hemm limitu kemm l-id il-moħbija tibqa’ moħbija.” 

More in Politika