"L-Ewropa trid issolvi l-problema tal-immigrazzjoni billi tmur f’ras il-għajn mhux billi ttaffi s-sintomi." Alfred Sant qal dan fuq l-istazzjon televiżiv Kroat HRT meta ġie intervistat fil-Parlament Ewropew dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni. Sant qal li l-ftehim mat-Turkija huwa fraġli ħafna. “Imma hemm għażla jew alternattiva oħra għal dan il-ftehim? Imbagħad hemm ukoll l-iżviluppi li jinħolqu…jekk l-influss tal-immigranti jieqaf mit-Turkija, probabbli li jerġa’ jibda jiżdied mill-Afrika ta’ Fuq. Irid ikollna soluzzjoni għal dan. Is-soluzzjoni trid tkun soċjali, ekonomika, umana, u li timraħ fil-fond,” qal il-Membru Parlamentari Ewropew Malti.
Sant kompla jgħid li l-Unjoni Ewropea għandha problema kbira biex tassimila dawn in-nies kollha li qed jiġu fuq xtutha u li qed jaffettwaw lis-servizzi, il-koerenza soċjali u s-sigurtà. “L-immigrazzjoni kienet u għadha problema kbira. L-istess ħaġa jiġri Malta. Naraw li b’numru żgħir ta’ immigranti nistgħu niġu distabilizzati.....irridu nkunu pragmatiċi u nieħdu s-soluzzjonijiet li jeżistu,” qal Sant f'intervista lill-istazzjon Kroat HRT.