
Joseph Muscat: Dan huwa rigal lin-nies tal-Kottonera u lill-Bormliżi
....jammetti li kien ikun aħjar kieku l-Gvern mar għal din l-għażla mill-ewwel

More in Politika
....jammetti li kien ikun aħjar kieku l-Gvern mar għal din l-għażla mill-ewwel
“Bormla u l-Kottonera kollha se tingħata dak li ħaqqha, bi żvilupp ta’ ħsieb f’post li se jkun rijabilitat. Se nagħtu rigal lil Bormla u n-nies tal-Kottonera”. Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat meta kien qed iħabbar il-bidliet fil-proġett tal-Universita’ Amerikana li sostna wkoll kif “proġett bħal dan se jaspira u se jkun eżempju ta’ żvilupp sostenibbli fil-qalba ta’ Bormla”.
Fakkar kif dan l-investiment se jfisser nefqiet akbar f’din iż-żona, titjib fl-infrastruttura, aktar xogħol kif ukoll ir-riġenerazzjoni ta’ bini storiku”. Se jkun il-Gvern li jħallas għar-restawr tal-bini, għalkemm ix-xogħol ta’ kostruzzjoni li jeħtieġ isir se jkun qed isir mill-grupp ta’ investituri Sadeen.
Minkejja li waqt il-konferenza tal-aħbarijiet inħass ċertu livell ta’ sodisfazzjon għall-fatt li jidher illi fl-aħħar din il-kwistjoni se tkun magħluqa l-Prim Ministru ammetta illi kien ikun aħjar għall-Gvern kieku din il-proposta tressqet mill-ewwel.
Huwa qal li dan huwa kompromess u “rebħa doppja” għan-naħa t’isfel ta’ Malta filwaqt li fakkar kif dan l-investiment se jkun l-akbar wieħed tat-tip tiegħu fin-naħa t’isfel tal-pajjiż u l-akbar invetiment tat-tip tiegħu fil-Kottonera.
Dwar l-art ODZ Muscat sostna li mhux qed jistenna li l-Front iċpċaplu u jifhem kif dan jibqa dejjem fil-priċipju kontra kull forma ta’ żvilupp fuq art ODZ, imma ħeġġeġ lil kulħadd biex jara l-istudji li saru u jifhem li l-Gvern ħadem biex jilħaq il-kompromess li fil-fatt wasal għalih.
“Qatt ma kienet fuq l-aġenda tagħna li ma nagħmlu xejn, li ma nieħdux deċiżjoni. Smajna ideat ġodda u differenti b’żewġ kundizjonijiet, jiġifieri li l-l-investiment jinżamm u li jsir fin-naħa t’isfel tal-pajjiż.
Minn naħa l-oħra ż-żona fejn se jsir il-kampus f’Marsaskala hija waħda abbandunata mingħajr hekk preġju ekoloġiku, skont rapport li sar taħt amministrazzjoni preċedenti, l-art mhux qed tintuża għal skopijiet agrikoli. Dan ir-rapport jgħid li fiż-żona m’hemm l-ebda forma ta’ eko-sistemi u għalhekk l-iżvilupp mhux se jkun ta’ thedida ambjentali. Fil-fatt il-proġett se jfisser li 80% tal-art immarkata oriġinarjament għall-proġett se tkun meħlusa minn kull tip ta’ żvilupp.
B’kollox, bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni, daħlu 626 suġġeriment, li minnhom 423 kienu validi u li b’kollox kienu jirreferu għal kważi 170 sit. Ġew shortlisted 12, imma l-ebda wieħed ma seta’ jakkomoda l-Universita’ kollha kemm hi bil-problemi jkunu nuqqas ta’ spazju u n-nuqqas ta’ infrastruttura adegwata. Fil-każ tal-pixxina taż-Żonqor it-toroq u l-infrastruttura hija diġa preżenti, filwaqt li s-sit qiegħed fiż-żona ta’ żvilupp.