Pressjoni ‘bla preċedent’ f’Mater Dei … l-MUMN issejjaħ għal azzjoni

L-MUMN tgħid li l-ħaddiema f’Mater Dei qed jesperjenzaw pressjoni bla preċedent, u f’ċertu każijiet infermiera waħda qed tieħu ħsieb 24 pazjent waħedha

Il-Unjin tal-Infermiera u Qwiebel, l-MUMN, sejħet għal azzjoni immedjata fid-dawl ta’ “sitwazzjoni bla preċedent” minħabba n-nuqqas ta’sodod fl-Isptar Mater Dei.

F’ittra mibgħuta lis-segretarju parlamentari fi ħdan il-ministru tas-saħħa, l-President tal-MUMN Maria Cutajar qalet li l-infermiera u l-qwiebel qed iħossu pressjoni kbira, u li f’ ċertu każijiet infermiera waħda qed tieħu ħsieb 24 pazjent waħedha.

“Il-pazjenti qed jiġu trattati fil-kurituri tal-isptar għax hemm nuqqas kbir ta’ sodod. Il-kriżi qed twassal ukoll sabiex l-Emerġenza qed tkun ippakjata b’wisq pazjenti filwaqt li d-Day Care Unit qegħda f’sitwazzjoni prekarja,” hija qalet.

“Dan kollu qed juri kif is-sitwazzjoni tas-saħħa f’Malta qegħda taħt pressjoni bla preċedent. Din il-pressjoni qed tinħass mhux biss mill-pazjenti u l-qraba tagħhom, iżda anke mill-infermiera,” Cutajar qalet.

L-MUMN qalet li f’ xi każijiet, numru ta’ anzjani qed jokkupaw sodod għal perjodu twil u li dawn jistgħu jiġu trasferiti f’ residenzi privati. Qalet li b’konsegwenza tan-nuqqas ta’ sodod, ċertu operezzjonijiet jistgħu jiġu kkanċellati.

Il-President tal-MUMN appellat lis-Segretarju Parlamentari biex jintervejni u biex isib alternattivi oħra sabiex din il-problema titaffa. Qalet li jekk is-sitwazzjoni tippersisti, se tkun qed tikkunsidra miżuri biex tissalvagwardja l-interessi tal-infermiera u l-qwiebel.

More in Politika