Sena ta’ ħidma fil-Parlament Ewropew

Għaddiet sena minn mindu Alfred Sant, Therese Comodini Cachia u Miriam Dalli daħlu għall-ewwel darba fil-Parlament Ewropew fi Brussell bħala Membri Parlamentari. Eks Prim Ministru u żewġ avukati miż-żewġ naħat tal-kamra bdew esperjenza ġdida fi sfera politika ferm differenti minn dik li nafu aħna – fil-post fejn fil-fatt tinħema l-politika li tiftaħ it-triq lill-Ewropa kollha.

Iddeċidejna nieħdu kumment mingħand dawn it-tlieta dwar l-esperjenza tagħhom f’din l-ewwel sena. Għat-tlieta l-oħra, David Casa, Marlene Mizzi u Roberta Metsola din hija t-tieni darba li qegħdin jiffurmaw parti mill-Parlament Ewropew fejn qed jirrappreżentaw liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. 

Alfred Sant (S&D)

“Sena wara l-elezzjonijiet Ewropej, il-ħidma tal-Parlament Ewropew ħadet il-karattru tagħha wara li ġiet imwaqqfa l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida u wara li ġew stabbiliti l-prioritajiet politiċi għall-Ewropa tal-lum. 

“Ix-xogħol tal-Parlamentari Ewropew jinfirex fil-wisa’ fuq ħafna materji u jaf ikun teknikament kumpless. Min-naħa tiegħi, ikkonċentrajt l-aktar fuq suġġetti li huma marbuta mat-tmexxija taż-żona ewro u fuq kwistjonijiet soċjo-ekonomiċi li jaffettwaw lil Malta - fuq quddiem net il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea ma tapplikax l-istess politika għal kulħadd, u m’hemmx għalfejn ngħidu, l-immigrazzjoni irregolari.

Matul din l-aħħar sena, qist ukoll li hu importanti li nwassal f’Malta messaġġi dwar ix-xogħol li jinsab għaddej fil-Parlament Ewropew ħalli aktar u aktar nies, mhux lanqas iż-żgħazagħ ikunu jafu kif il-ħidma tal-Parlament tista’ taffettwalhom ħajjithom.”

Miriam Dalli (S&D)

“Kienet sena impenjattiva ħafna anke għax bħalissa qed nipparteċipa fuq erba kumitati differenti li huma rilevanti ħafna għal pajjiżna. F’din l-ewwel sena kont qed naħdem fuq sitt dossiers differenti fil-kumitati li nipparteċipa fihom. Għalija kienet sena pożittiva u interessanti ħafna. 

F’din l-ewwel sena diġà ngħatajt l-inkarigu li nirrapreżenta lil kumitat tal-ambjent fin-negozjati li għamilna bħala Parlament flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill li jirrapreżenta lil gvernijiet tat-28 stat membru.

“Li tkun waħda mill-Membri Parlamentari li rrappreżentaw lill-Parlament f’dawn in-negozjati hi esperjenza li minnha titgħallem ħafna. Intagħżilt ukoll biex inkun waħda mill-Membri Parlamentari li se jirrapreżentaw lill-Parlament matul il-konferenza tal-Ġnus Magħquda dwar it-tibdil fil-klima li se ssir f’Pariġi u li matulha hu ttamat li jintlaħaq ftehim bejn il-pajjiżi. 

Dan minbarra l-ħidma tiegħi fil-qasam tal-immigrazzjoni u anke dwar il-Libja fejn anke irrapreżentajt il-veduti Maltin fuq programmi ta’ media internazzjonali bħal Euro News, BBC u Al Jazeera fost oħrajn. Għalija l-aktar ħaġa importanti li nitkellem b’vuċi Maltija fil-Parlament Ewropew u mpenjata li nibqa’ nagħmel dan għax għalkemm aħna delegazzjoni żgħira kapaċi nagħmlu d-differenza.”

Therese Comodini Cachia (PPE)

“L-ewwel sena ta’ ħidma kienet sfida iżda kull sfida hija wkoll opportunità. Kienet opportunità biex inkompli niltaqa’, nisma’ u nifhem l-aspirazzjonijiet u l-ħtigijiet tal-Maltin u Għawdxin u fl-ambjent Ewropew inressaq il-pożizzjoni tagħhom għad-diskussjoni. Kelli wkoll l-opportunità li naħdem fuq kwistjonijiet li jolqtu lil diversi gruppi fis-soċjeta Maltija. Per eżempju, fuq il-mobbilità tal-istudenti, it-tnaqqis tal-burokrazija għall- kumpaniji żgħar u medji, fuq il-protezzjoni tan-negozji tal-familja, u t-tisħiħ tal-prioritajiet Ewropej fl-edukazzjoni. 

Fir-rigward tal-immigrazzjoni iffukajt il-ħidma tiegħi fuq kif l-UE tista’ tindirizza aħjar it-traffikar u l-kuntrabandu tal-persuni billi anke ssaħħah ir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi oħra. 

“Aktar milli x’jinbidel fil-parlament ewropew nixtieq li jkompli jersaq iżjed viċin in-nies sabiex jkompli jindirizza kwistjonijiet li jaffettwaw liċ-ċittadini Ewropej fil-ħajja ta’ kuljum. 

Dan jista’ jsir billi jien inkompli niltaqa’ mal-kostitwenti iżda trid tissaħħah ukoll l-istruttura ta’ konsultazzjoni mal-istituzzjonijiet.  Kieku kelli nagħzel disfatta tkun li ma tkunx tista ttella lil kullhadd fi Brussell mall-ewwel. Din hija disfatta għaliex nagħraf f’dawk li jitolbu li jitilgħu fi Brussell ħeġġa biex jersqu lejn l-istituzzjonijiet.” 

More in Politika