Il-Kap għall-Politika Barranija tal-UE Federica Mongherini talbet lill-Ġnus Maqgħuda għajnuna sabiex ikunu jistgħu jitfarrku gruppi kriminali li qed jittraffikaw lill-immigranti fl-Unjoni Ewropea.
Il-Libja, minfejn joperaw bosta minn dawn it-traffikanti, oġġèzzjonaw għall-proposti tal-UE sabiex ikun hemm attakki militari fil-port ta' Tripli biex jitfarrku l-bastimenti tat-traffikanti.
"Il-prijorità tagħna hija li nsalvaw il-ħajjiet, u li naraw li ma jkunx hemm imwiet fil-baħar. Nemmnu, fl-Unjoni Ewropea, li din hi responsabilità li naqsmu, mhux biss bħala Ewropej imma anke mal-kumplament tad-dinja," Mogherini qalet lill-Ġnus Magħquda.
Madwar 1,800 immigrant mietu fil-Mediterran s'issa fl-2015 fost aktar minn 60,000 persuna li diġà imbarkaw fil-vjaġġ tant perikoluż din is-sena. Il-maġġoranza qed jaħarbu minn kunflitt u faqar minn pajjiżi bħas-Sirja, l-Eritrea, in-Niġerja u s-Somalja.
"Din mhix sempliċiment emerġenza umanitarja, imma kriżi ta' sigurtà wkoll - hekk kif ir-retikolati tat-traffikanti huma marbutin ma' attivitajiet terroristiċi li jikkontribwixxu għall-instabilità f'reġjun li huwa diġà mhux stabbli biżżejjed." kompliet Mogherini, "l-UE diġa qed tħares ir-responsabilitajiet tagħha: li ssalva l-ħajjiet, tilqa' r-refuġjati, tindirizza l-għeruq tal-fenomenu, u li tkisser l-organizzazzjonijiet kriminali."
L-UE qed tippjana li tqassam 20,000 refuġjat fil-pajjiżi tagħha kollha, biex tara li jkun hemm il-qsim tal-piż bejn il-pajjiżi kollha - kif ukoll saħħet il-preżenza fil-baħar, permezz tal-operazzjonijiet Triton u Poseidon. Dan minbarra operazzjoni navali li mistennija tiġi mmexxija mill-Italja - li ħa tiġi diskussa aktar tard dan ix-xahar.
Mogherini spjegat kif id-differenza tinstab bejn li tagħraf liem huma l-bastimenti tas-sajd ul iema huma dawk tat-traffikanti - filwaqt li tara li kull miżura tħares is-sigurtà tal-immigranti. Fid-diskors tagħha Mogherini pprovat tagħti bażi legali għall-operazzjonijiet ta' tiftix u tifrik fuq basimenti vojta li permezz tagħhom qed jiġu ttraffikati dawn l-istess immigranti.
Kull pjan militari jrid iħares il-liġijiet internazzjonali u jista' jiġi aċċettat biss jekk ikun hemm qbil bejn il-5 membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurta tal-Ġnus Magħquda: Ir-Renju Unit, Franza, iċ-Ċina, ir-Russja u l-Istati uniti.