
Il-każ tax-xogħolijiet għall-voti f’Għawdex
Prattiċi li kienu jgawdu minnhom persuni ta' kull lewn

Prattiċi li kienu jgawdu minnhom persuni ta' kull lewn
More in Politika
Prattiċi li kienu jgawdu minnhom persuni ta' kull lewn
Din il-ġimgħa assistejna għar-riżenja ta’ l-eks Ministru għal Għawdex Giovanna Debono wara li żewġha Anthony Debono tressaq fil-Qorti ta' Għawdex fuq akkużi b'rabta ma' xogħlijiet privati li saru b'fondi pubbliċi fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti.
Il-każ kien żvelat mill-gazzetta MaltaToday wara li kuntrattur żvela li kien jintbgħat jagħmel xogħol għall-kostitwenti f’Għawdex bla ebda spiża għall-istess persuni konċernati. Jirriżulta li wħud mix-xogħlijiet kienu saħansitra kontra l-liġijiet ambjentali.
Il-lista ta’ xogħlijiet li saru mill-fondi pubbliċi jinkludu fost oħrajn garaxx mibni f’barriera b’mod illegali, xogħlijiet lil sindku tal-PN, xogħol fuq ristorant ħdejn ir-Rabat, bini ta’ ġiebja, xogħol fuq razzett illegali, fuq Triq ix-Xagħra, fuq kamra tan-nar u f’ħanut is-Santwarju ta’ Pinu. Skont l-istess rapporti, irriżulta li wħud minn dawn ix-xogħlijiet, li jammontaw għal eluf kbar ta’ ewro, baqgħu sejrin saħansitra sal-ġurnata tal-elezzjoni sad-9 ta’ Marzu 2013.
Intant din il-gazzetta talbet il-kummenti tal-Avukat Għawdxi Joe Ellis dwar jekk din kinitx xi ħaġa ta’ darba jew jekk hix xi prattika li ilha għaddejja s-snin u meqjusa bħala kultura ta’ xiri ta’ voti b’xogħilijiet tal-gvern.
Ellis qal li wieħed jiskanta kif dawn il-prattiċi issa biss ħarġu fid-dominju pubbliku. “Għawdex huwa post żgħir u wieħed jistaqsi għala ħadd qatt ma tkellem dwarhom qabel mal-kuntrattur beda jilmenta wara li ma tħallasx. Skont id-diċeriji, minn dawn il-prattiċi kienu jgawdu persuni ta' kull lewn, anke nies ferm qrib politiċi. Hemm min jgħid ukoll li dawn il-prattiċi ma waqfux imma baqgħu jsiru. Forsi għalhekk ħadd ma kellu interess jiftaħ ħalqu.”
L-Avukat Għawdxi tkellem dwar kif iċ-ċittadin għandu d-dritt ikun jaf għala l-istrutturi taċ-ċivil, normalment daqshekk riġidi, ġew sovvertiti. “Gvern serju għandu jfittex li jitfa' dawl fuq dawn il-prattiċi u mhux jistrumentalizzhom għal finijiet tiegħu. Dan ma jsirx biss b'investigazzjoni ta' natura kriminali imma hija meħtieġa inkjesta skont il-liġi ppreseduta minn persuna jew aktar ta' integrità indiskussa sabiex jistabilixxu l-fatti u jirrakkomandaw miżuri biex ma jirrepetux ruħhom dawn il-prattiċi.”
Joe Ellis temm jgħid li dawn il-prattiċi juru wkoll il-pressjoni li l-politiċi jsibu ruħhom taħtha biex ikabbru l-kunsens populari. “Fl-aħħar mill-aħħar, huma ċ-ċittadini illi jridu jwarbu dawn il-prattiċi mill-ħajja pubblika bl-għażliet elettorali tagħhom.”
L-ILLUM tkellmet ukoll fuq l-istess suġġett mas-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana li min-naħa tagħha qalet li temmen li l-poplu Għawdxi u Malti jixraqlu politiċi onesti li verament jaħdmu fl-interess tal-pajjiż u tant ieħor għall-gżira Għawdxija. “Peress li l-każ qiegħed sub-judice, rridu nħallu l-Qorti tasal għall-ġudizzju tagħha dwar dak li qed jigi allegat.”
Caruana kompliet tgħid “Jiena ninkwieta li l-Kap tal-Oppozizzjoni, li kellu informazzjoni fuq dan l-iskandlu sentejn ilu u m'għamel xejn dwaru, għadu qed jevita milli jwieġeb ċar u tond x'qallu l-whistleblower meta ltaqa’ miegħu fuq dan il-każ u x'wieġbu lura.”
Kompliet tgħid li dan il-ħabi ma jgħinx biex issir magħrufa l-verità kollha. “Minn naħa l-oħra, d-deputat Ghawdxi Nazzjonalista Chris Said, lil min kixef dan il-każ qallu li se jgħinu kull kif jista, minflok irreferih għall-awtoritajiet investigattivi.”
Justyne Caruana qalet li mnalla dan il-Gvern daħħal il-liġi tal-whistleblower, wara li baqgħet fuq l-ixkaffa għal 25 sena, biex persuni setgħu jibdew jitkellmu u jixkfu dan il-klijenteliżmu. “Nistennew issa li joħorġu aktar dettalji dwar kif kienet titħaddem din is-sistema u biex tintrefa r-responsabbilità kollha legali u politika li hemm bżonn tintrefa u minn kull min għandha tintrefha. Għawdex u l-Għawdxin jixirqilhom aħjar.”
Caruana temmet tgħid li filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni llum huwa ddispjaċut, hemm ħafna Għawdxin oħra ddispjaċuti għaliex matul iż-żmien id-drittijiet tagħhom ġew mibdula fi pjaċiri għall-voti. “Ħafna u ħafna Għawdxin ġew ingannati ripetutament biex jittieħdilhom il-vot imma l-poplu Għawdxi diġa ta’ l-verdett elettorali tiegħu fl-aħħar elezzjoni ġenerali, b'vot imsaħħah kemm fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll dawk tal-kunsilli lokali.”