Tibda l-votazzjoni għall-elezzjoni ġenerali fir-Renju Unit

Għall-ewwel darba ċ-ċittadini jistgħu jivvutaw minn fuq l-internet
 

Il-votanti jridu jeleġġu 650 MP għal Westminister
Il-votanti jridu jeleġġu 650 MP għal Westminister

Fir-Renju Unit illum miljuni ta' nies ħa jkunu qed jivvutaw fl-elezzjonijiet ġenerali, hekk kif fis-7am fetħu madwar 50,000 ċentru ta' votazzjoni mar-Renju Unit kollu. Il-votanti għandhom sal-10pm biex ikunu jistgħu jivvutaw.

Permezz tal-voti jridu jiġu eletti 650 MPs għal Westminister, minn madwar 50 miljun persuna li huma rreġistrati biex jivvutaw.

Barra mill-elezzjoni ġenerali, iċ-ċittadini tar-Renju Unit ħa jkunu qed jivvutaw għall-elezzjonijiet lokali, f'279 awtorità lokali b'total ta' 9,000 siġġu. Jridu jiġu eletti wkoll is-Sindki ta' Bedford, Copeland, Leicester, Mansfield, Middlesbrough u Torbay.

Hekk kif fir-Renju Unit wieħed jista' jivvota billi jibgħat il-vot bil-posta, il-votazzjoni bdiet qabel illum għal xi wħud - hekk kif dawn setgħu jivvutaw minn qabel. Barra minn hekk għall-ewwel darba fir-Renju Unit in-nies jistgħu jivvutaw online.

L-aktar postijiet tal-votazzjoni komuni baqgħu l-iskejjel, iċ-ċentri tal-komunità u s-swali tal-knejjes, iżda jidher ukoll li laundry u xarabank tal-iskola intużaw ukoll bħala postijiet ta' votazzjoni f'xi lokalitajiet.

Ir-riżultati finali mistennija joħorġu għada l-Ġimgħa waranofsinhar, minkejja li xi wħud mill-eletti mistennija jiġu ddikjarati llum.

 

More in Politika