
L-Ewwel ħsibijiet tas-sindki l-ġodda
Wara r-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ta’ nhar is-Sibt li għadda f’34 lokalità, ġew eletti 34 sindku għal-lokalitajiet rispettivi tagħhom. Minn fost dawn is-sindki kien hemm 19 li ġew eletti f’dan l-irwol għall-ewwel darba, li minnhom bosta huma żgħażagħ fosthom l-iżgħar sindku fl-istorja, li għad għandu 18-il sena. Lil dawn is-sindki staqsejniehom dwar x’inhuma l-ħsibijiet tagħhom issa li huma eletti sindki tal-lokalitajiet tagħhom u kif se tissaraf il-ħidma tagħhom f’dan l-irwol fis-snin li ġejjin.
minn Veronica Lynn Mizzi

Sindki f’isem il-Partit Nazzjonalista
Ġiljan Aquilina – Ħal-Għargħur

Biex inkun nista’ nibda bil-ħidma mingħajr dewmien, qed insib kooperazzjoni assoluta kemm min-naħa tas-sindku preċedenti Mario Gauci, kif ukoll min-naħa tal-kunsilliera l-oħra. Hemm il-ħsieb li fil-ħidma tal-kunsill jiġu involuti nies li qabel servew fih jew li kkontestaw l-elezzjoni u ma ġewx eletti. Nemmen ukoll li għandi nibqa’ viċin in-nies kollha bla ebda distinzzjoni. Waħda mil-lezzjonijiet li nitgħallmu minn wara kull elezzjoni hija l-fatt li man-nies hemm bżonn ta’ kuntatt kontinwu. Dan ma jfissirx li taqdi lil kulħadd. Fl-opinjoni tiegħi iżda, jfisser li tisma’ lil kulħadd, tara x’jista’ jsir u fejn ma jista’ jsir xejn, tkun umli biżżejjed biex tmur lura għand l-individwu u tgħidlu l-fatti kif inhuma. Naħseb b’hekk wieħed ikun qiegħed jibni relazzjoni ta’ fiduċja mar-residenti li fl-aħħar mill-aħħar eleġġewna għax kellhom il-fiducja fina.
Karl Gouder–San Ġiljan

Fil-lokalità San Ġijan hemm sfidi kbar u jeħtieġ li jkun hemm l-għajnuna ta’ ħafna nies. Il-prijorità prinċipali hi li l-Kunsill ikun viċin tan-nies u li n-nies iħossu dan. Min-naħa l-oħra minbarra l-attenzjoni lejn l-affarijiet ġenerali tal-lokalità, hemm bżonn li jkun hemm diskusskjonijiet dwar il-bilanċ meta jkun hemm influss qawwi ta’ turisti.
Irid ikun hemm relazzjoni tajba mal-indstrija tat-turiżmu u tal-entertainment, imma jrid jinstab bilanċ, fejn dawn jimxu ’l quddiem, imma mhux għas-skapitu tar-residenti.
Ian Spiteri – Ħal-Balzan

Jien m’għandix kliem biex nirringrazzja lill-Balzanin kollha tas-sapport kbir li tawni, mhux biss lil dawk li vvutawli imma lil kull min laqgħani ġewwa daru u ta’ dan jien obbligat. Ħassejt li kelli nikkontesta din l-elezzjoni biex nagħmel differenza, mhux biss għar-raħal tiegħi li tant għandi għal qalbi, imma differenza f’kif għandha titwettaq il-politika lokali. Għalkemm għall-ewwel bdejt nippanika kif se nwettaq dak kollu li nixtieq nara ġewwa l-lokalita’, minħabba finanzi u riżorsi limitati, il-ħajja għallmitni li b’kawtela u b’għaqal jistgħu jsiru avvanzi kbar. Nixtieq nara l-għaqda bejn ir-residenti kollha, huma min huma, u għalkemm naf li mhux dejjem tista’ tikkuntenta lil kulħadd, naf bic-ċert li l-ġid komuni se jinħass f’qasir żmien.
Franco Ciangura – Għajnsielem

L-aktar ħaġa li dejjem emmint fiha u li tħalli r-riżultati hija l-għaqda. Għalhekk għażilt ‘Flimkien Nirnexxu’ bħala frażi għall-kandidatura tiegħi, u dan ser ikun il-bażi li fuqha se naħdem flimkien ma’ sħabi l-Viċi Sindku u l-kunsilliera, għal iktar għaqda u koperazzjoni bejn l-għaqdiet, inkluż tal-parroċċa, għall-ġid tar-raħal tagħna.
Ħsieb ieħor huwa li naħdmu aktar għal ħajja aħjar fost ir-residenti ta’ kull età, minn tfal sa anzjani, u ta’ dawk li jiġu jżuruna. Nixtieq li naħdmu aktar fuq l-aspetti soċjali u kulturali, minbarra dawk infrastrutturali.
Lest li naħdem b’impenn, responsabbiltà, onestà u dedikazzjoni, flimkien ma’ sħabi u napprezza
ħafna l-għajnuna u l-koperazzjoni ta’ kull min jgħix fir-raħal tagħna ta’ Għajnsielem.
Edwin Vassallo – Il-Mosta

Il-prijorità tal-kunsill tagħna se jkun it-tisħiħ tal-komunità tal-Mosta u li l-valuri tal-inklussività u s-solidarjetà jiġu mħarsa.
Se nkunu Kunsill Lokali ta’ 13-il kunsillier li jaħdem biex l-isforz ikun wieħed kollettiv u mhux ta’ maġġoranza u minoranza.
Graziella Galea – San Pawl il-Baħar

Bħala sindku nemmen li għandi nkompli nkun viċin ir-residenti sabiex nisma’ u nilqa’ s-suġġerimenti u l-ideat tan-nies. B’hekk il-lokalità tista’ timxi ‘l quddiem u titjieb il-ħajja tar-residenti. San Pawl il-Baħar hi lokalità unika u kbira mifruxa mix-Xemxija sa Burmarrad li tilqa’ fiha nies b’kulturi differenti li ġejjin minn diversi lokalitajiet, pajjiżi u oqsma tas-socjetà. Fost il-prijoritajiet li se nkun qiegħda niffoka fuqhom hemm l-indafa, il-parkeġġ, is-sigurtà tar-residenti, il-postijiet miftuħa, l-infurzar, u x-xogħol infrastrutturali. Dawn il-prijoritajiet jolqtu lilna r-residenti fil-ħajja ta’ kuljum u għalhekk hu importanti li nagħmel l-almu tiegħi flimkien mal-membri tal-kunsill sabiex dawn jingħataw l-importanza neċessarja għall-ġid tar-residenti.
Edward Said –Nadur

Din kienet l-ewwel darba li jiena kkontestajt u b’sodisfazzjon kbir ġejt elett bħala s-sindku l-ġdid ta’ din il-lokalita’ b’675 vot mal-ewwel għadd. Dan ifisser li n-nies apprezzat li jiena ddedikajt ħafna mil-ħin tiegħi fl-aħħar xhur sabiex niltaqa’ magħhom u nismahom. Filwaqt li se nibbaża l-ħidma tiegħi fuq ir-rispett, l-għan tiegħi huwa li nipprovdi garanzija ta’ kontinwità, naċċerta li jkollna riorganizzazzjoni tal-mod kif jopera l-kunsill lokali, noħolqu attivitajiet ġodda u aktar innovattivi, inġib ‘il quddiem ir-relazzjonijiet tal-Kunsill Lokali ma’ entitajiet oħra u nwettqu proġetti sostenibbli. Dan kollu jrid isir b’aktar involviment tar-residenti fl-istrutturi tal-Kunsill, speċjalment taż-żgħażagħ.
Sindki f’isem il-Partit Laburista
Sarah Agius – Ħaż-Żebbuġ

Il-prijoritajiet tiegħi bħala Sindku se jkunu mibnija fuq il-prijoritajiet li verament jixtiequ r-residenti. Għalkemm ma nistgħux inwiegħdu l-mirakli, ser inwiegħed biss ħaġa waħda, dik li nkun onestà maż-Żebbuġin u ma nwiegħedx affarijiet li ma jkunux jistgħu isiru.
Ser naħdem sabiex nimmassimiżaw l-użu tal-Fondi Ewropej sabiex inkomplu nsaħħu l-infrastruttura fil-lokal. Se naħdem flimkien ma sħabi l-kunsilliera kollha sabiex it-toroq tal-lokal speċjalment f’ ċertu żoni ta’ Ħaż-Żebbuġ jingħataw l-attenzjoni mixtieqa. L-indafa u l-upkeeping tal-lokal se jkunu wkoll prijorità għalija matul dawn l-erba’ snin li ġejjin.
Se nara li bħala sindku ninvolvi lil kulħadd f’din il-ħidma, huwa għalhekk li bħala sindku, matul dawn l-erba’ snin, se norganizza numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni mar-residenti Żebbuġin sabiex b’ umiltà nisma lil kullħadd u nkompli nibni l-prijoritajiet tagħna bħala Kunsill fuq il-prijoritajiet veri taż-Żebbuġin.
Joseph Casha – L-Isla

Bhala sindku nixtieq li jkun hemm għaqda bejnietna bħala kunsilliera għall-futur f’ġieħ il-belt tal-Isla. Hemm xi problemi li jridu jiġu indirizzati bħal asfalt u dehra ġdida f’xi toroq u d-dehra ġenerali tal-lokal.
Kevin Barun – Birżebbuġa

Bħala lokalità, se nkunu qed nagħfsu ħafna fuq il-fondi Ewropej u nitkellmu mal-Gvern ċentrali biex inkunu nistgħu nwettqu diversi proġetti bħall-bypass ta’ Birżebbuġa u l-proġetti tal-Qajjenza. Il-port ħieles, għalina huwa dejjem sfida għaliex għalkemm irridu naħdmu magħhom, ma rridux li jkun hemm detriment għall-ħajja tar-residenti. Ovvjament, bħala kunsill se nkunu qed naħdmu flimkien għall-ġid tar-resident fil-lokalità.
Davina Sammut Hili – Il-Furjana

Bla dubju ta’ xejn se nkun viċin ir-residenti u bħala ħidma irridu niffukaw fuq il-porblema tal-parkeġġ għar-residenti u l-problema tal-housing bi djar magħluqin u battala biex nerġgħu nqajmu l-Furjana, fost il-proġetti infrastrutturali tas-soltu bħal-toroq u bankini. Kunsill huwa wieħed u trid taħdem id f’id mal-kunsilliera l-oħra għall-ġid tal-lokalità.
Conrad Borg Manchè –Il-Gżira

Bħala sindku, irrid nara l-ewwel nett li niġbor kollox biex nipprijoritizza u naħseb li jrid isir dan biex tkun taf x’għandhom ikunu l-prijoritajiet li trid taħdem fuqhom. Għalhekk se nkunu qed inqassmu questionnaire biex inkunu nafu x’inhuma l-problemi tan-nies u b’hekk inkunu nistgħu nippjanaw għall-erba’ snin li ġejjin.
Bħala xogħol mal-kunsilliera l-oħra, tkun trid tqabbel il-kunsilliera mad-dekasteru li jkun se jingħatalhom, u waqt li tkun għaddej bil-ħidma bħala sindku, tkun tista’ taħdem mal-kunsilliera rispettivi.
Christian Sammut – Il-Ħamrun

Bħala sindku se nkun qed naħdem biex it-talenti kollha tal-Ħamruniżi jiġu utilizzati u biex nerġgħu nagħmlu lill-Ħamrun dak li kien fil-passat. Hemm ħafna sfidi u rridu naħdmu biex dawn l-isfidi nibdluhom f’opportunitajiet għall-ġid tar-residenti u l-lokalità.
Carmen Said –Il-Munxar
L-ewwel nett nixtieq nirringrazzja lil kulħadd tal-fiduċja li wrew fija waqt li nwiegħed li bil-ħidma tiegħi, inkun sindku tal-Munxarin kollha. Nistennew li bħala Kunsill naħdmu flimkien, il-kunsilliera kollha miż-żewġ naħat għall-ġid tal-lokalità. Irridu nkomplu naħdmu minn fejn ħalla l-Kunsill ta’ qabel u nkomplu nżidu max-xogħol li diġà sar. Dan biex nippruvaw immexxu l-lokalità tal-Munxar u x-Xlendi bl-aħjar mod. Irridu wkoll nagħmlu ħilitna biex ix-Xlendi jkun f’pożizzjoni aħjar. Nistennew ukoll bħala kunsill li n-nies tal-lokal, ifittxu aktar il-Kunsill fejn ikollhom bżonn, sabiex aħna nkunu nistgħu ngħinuhom.
Terence Agius – Ħal-Kirkop

Nixtieq l-ewwel nett nirringrazzja lil dawk kollha li għoġobhom ituni l-fiduċja biex inkun nista’ mmexxi r-raħal ta’ Ħal-Kirkop. Il-ħidma tiegħi tibda billi nkompli fuq ix-xogħol li tħalla mill-kunsill preċedenti taħt it-tmexxija tas-Sur Charlie Calleja sabiex inkomplu fuq it-tajjeb li nbeda. Fil-jiem li ġejjin se ningħataw il-ħatra uffiċjali filwaqt li diġà bdew il-preparamenti għal ‘Irkotta Fest’ bħalma dejjem saret fis-snin li għaddew u nkunu nistgħu nibdew immexxu sabiex tkun ta’ suċċess. Filwaqt li naraw il-bżonnijiet tan-nies u nimxu flimkien fid-deċiżjonijiet bħala kunsill magħqud.
Dominic Grima – Raħal Ġdid

Il-ħidma fil-Kunsill trid tkun bħala tim wieħed biex jitwettaq dak kollu li hemm bżonn għar-residenti. Bħala lokalità, Raħal Ġdid mhux biss residenzjali imma huwa post ta’ servizz għan-nofsinhar ta’ Malta. Fost il-proġetti li se nkomplu naħdmu fuqhom hemm il-proġett tal-pjazza li l-Gvern għoġbu jiffinanzjah wara li konna l-ewwel Kunsill Lokali li involvejna direttament lin-nies tal-lokal fl-għażla tal-pjanti għal dan il-proġett. Ovvjament, dan minbarra x-xogħlijiet infrastrutturali regolari fil-lokalità bħal toroq u ġonna bħal f’Wied Blandun.
Johan Mula – Ħal-Safi

Bħala viċi sindku f’dawn l-aħħar 3 snin, konna attivi ħafna f’diversi attivitajiet u waqqafna wkoll xi kumitati.
Fil-Kunsill nemmen ħafna fuq is-sussidjarjetà, li l-Kunsill ma jdurx mas-sindku. Għalhekk inħoss li għandhom ikunu iktar inklussivi kemm mal-għaqdiet tal-lokal u mal-individwi, u dan l-element nixtieq inkompli ndaħħlu f’dawn is-snin li ġejjin.
Se nkunu Kunsill Lokali li jaħdem biex l-isforz ikun wieħed kollettiv u mhux ta’ maġġoranza u minoranza
F’dawn is-snin nixtieq li niffukaw iktar fuq l-ambjent, b’iktar edukazzjoni anke fuq is-separazzjoni tal-iskart u inkomplu nżidu t-tagħlim permezz ta’ korsijiet, fost l-oħrajn.
Huwa importanti ħafna li ninvolvu lir-resident fejn irriduh li jkun parti mill-attivitajiet u mid-deċiżjonijiet li nkunu qed nieħdu, partikolarment meta jinvolvu lir-resident direttament. Ovvjament, dak kollu li jsir fil-Kunsill, għandu jkun trasparenti u dejjem tinstema’ aktar il-vuċi tar-resident.
Għalkemm ippruvajna diversi drabi nagħmlu kuntatt mas-sindki Sandro Azzopardi ta’ Ħad-Dingli u Horace Gauci ta’ Marsaxlokk, ma rnexxilniex nieħdu kumment mingħandhom.