Editorjal | Infakkru l-ħniżrijiet tal-Gvern ta’ Mintoff

Illum, fi storja qasira dwar in-National Bank, infakkru l-avvenimenti li wasslu biex in-National bank jingħalaq għax hekk ried Mintoff. 

Ftit huma dawk li jiftakru l-istorja tan-National Bank u wisq aktar dik tal-BICAL bank. Huma żewġ stejjer li l-gazzetta oħt MaltaToday kienet irrappurtat u rriċerkat fl-2003 u l-2004. Imma l-ġrajjiet jeħduna lura għas-snin sebgħin, propjament fl-ewwel snin tal-Gvern Laburista tal-Perit Mintoff. 

Mintoff jibqa’ mfakkar għar-riformi soċjali kbar imma għandu jibqa’ mfakkar ukoll bħala persuna li farrak kull apprezzament għas-saltna tad-dritt, kattar il-vjolenza fiżika ma’ nies madwaru, u ħares in-naħa l-oħra meta ministri tiegħu tħanżru. 

L-istorja meta tinkiteb ikollha bilfors tpinġi lil Mintoff bħala politiku awtoritarju u perikoluż. 

Din il-ġimgħa fil-Qorti ta’ Malta, wara snin twal, il-Qorti kkonfermat li l-eredi ta’ dawk li kellhom flushom fin-National Bank kellhom jingħataw kumpens ta’ ’l fuq minn 70 miljun. 

Illum, fi storja qasira dwar in-National Bank, infakkru l-avvenimenti li wasslu biex in-National bank jingħalaq għax hekk ried Mintoff. 

Dawk verament kienu żminijiet differenti. Imma Mintoff kellu mibegħda vixxerali, kemm għall-azzjonisti tan-National Bank, kif ukoll għall-klijienti tal-Bank. Kienu infatti l-alta soċjetà ta’ Malta u Għawdex. Kien iħares lejhom b’antipatija kbira u apparti li ried jeqridhom ried ukoll jinnazzjonalizza l-Banek. 

Kienu żminijiet diffiċli, il-PN u l-partiti ż-żgħar ma kellhomx vuċi, jew jekk kellhom kien minimu, il-media kienet bla saħħa u l-istat ekonomiku tal-pajjiż ma kienx li kien illum. Kien għad hemm il-faqar. 

Hawn min argumenta li Mintoff ried ikisser il-monopolji u jagħti lura s-soċjetà. U dan ma kienx ikun possibbli li kieku mexxa bis-sewwa.  

L-ebda raġuni ma tista’ tiġġustifika l-mod kif mexxa.  

Kien illegali u awtoritarju. 

Wisq aktar interessanti li l-għajta tal-azzjonisti u kif ukoll dawk li kellhom il-flus ġiet injorata wkoll mill-Gvern Nazzjonalista li rnexxielu jitla’ fil-gvern fl-1987. B’esponenti tal-PN kontra li jingħata xi forma ta’ kumpens.  

Tant hu hekk, li l-mexxejja l-ġodda lanqas kellhom id-diċenza jirrikonoxxu din id-deċiżjoni. 

Iżda jekk kien hemm rilutanza u tkaxkir tas-saqajn mill-partiti politiċi u l-Gvernijiet li mexxew, x’jingħad għall-Qorti? 

Jekk hawn eżempju ċar ta’ kif m’għandhiex taġixxi l-Qorti, il-każ tan-National bank huwa l-aħjar eżempju. Qatt ma jista’ jiġi ġġustifikat li każ bħal dan idum għexieren ta’ snin.  

Illum, l-azzjonisti tal-Bank u l-klijienti huma l-biċċa l-kbira mejtin, l-eredi tagħhom se jirċievu dak li huwa dritt tagħhom. Il-ġustizzja trid tidher li qed issir. F’dan il-każ mhux biss ma tidhirx li saret iżda damet biex titwettaq grazzi għall-attitudni tal-mexxejja politiċi tagħna u l-letarġija tal-Qrati tagħna. 

Xogħolna jibqa’ li nfakkru l-istorja u l-fatti.

More in Politika